Ighalo jgħid li għadu jibki t-telfa ta’ oħtu

Odion Ighalo sellem lill-memorja ta’ oħtu wara li skurja l-ewwel gowl tiegħu ma’ United. L-attakkant li għandu 30 sena, tella’ l-flokk ta’ United biex juri stampa ta’ oħtu Mary Atole waqt il-logħba mill-Europa League kontra Club Brugge.

Ighalo li għandu wkoll isem oħtu fuq iż-żarbun tal-futbol, aktar kmieni kien tkellem dwar kemm qed isibha diffiċli li jaċċetta l-mewt ta’ oħtu.

Hu qal li jħossu emozzjonat ħafna għall-fatt li bħal donnu għadu ma jistax jifhem li oħtu telqet għal kollox u li qatt mhu se jkun jista’ jaraha aktar. Qal li xi kultant meta jkun waħdu u jerġa jiftakar fiha, jħoss għafsa kbira f’sidru. Spjega kif oħtu t-tewmija ġieli ċċempillu, tibki, u tgħidlu li timmisjaha. Stqarr li anka hu xi kultant jibki t-telfa ta’ oħtu.

Qal li għalkemm hija diffiċli ħafna li titlef membru tal-familja, qed jagħmel minn kollox biex iżomm sod.