“Iggradwajt, kont għalliem, imma xorta waqajt għad-droga”

Ritratt: DOI - Jason Borg

Clifford Galea, Kunsillier fin-Naxxar, qasam l-esperjenza tiegħu meta kien maħkum mill-vizzju tad-droga.

Dan id-diskors għamlu waqt il-Konferenza Nazzjonali dwar id-droga organizzata mill-Ministeru għas-Solidarjetà Soċjali.

Galea insista li kulħadd jista’ jaqa’ għad-droga. Huwa qal li ggradwa 4 darbiet minn universitajiet f’Malta u barra minn Malta, mar għall-missjoni, kien għalliem, iżda minkejja t-trobbija tajba u l-edukazzjoni siewja li kiseb, xorta waħda safa’ vittma tad-droga.

Fis-soċjetà mimlija pressjoni tal-lum, saħaq Galea, diffiċli li ma tinħakimx mix-xewqa li tkun bħall-oħrajn u tingħoġob. Huwa elenka l-midja soċjali bħala wieħed mill-fatturi ewlenin li jinfluwenzaw lis-soċjetà, b’mod speċjali liż-żgħażagħ.

Huwa tkellem fuq il-biża’ li jħoss dak li jkun ivvizzjat bid-droga; biża’ li jitkellem u jaġixxi. Qal li ħafna jistaqsuh għaliex jitkellem fuq din l-esperjenza meta forsi tista’ taffettwalu l-ġejjieni tiegħu, iżda sostna li jħoss il-ħtieġa li jitkellem biex juri r-realtà propja tad-droga.

Galea temm diskorsu billi faħħar l-għajnuna li toffri l-Pulizija, kif ukoll id-Dual Diagnosis Unit fi ħdan Monte Karmeli, li jilqa’ lin-nies qabel ma dawn jgħaddu għall-ewwel pass fil-mixja tagħhom lil hinn mill-vizzju.