“Iġġieldu, imma filgħaxija agħmlu paċi” – il-Papa lill-koppji

REUTERS/Gonzalo Fuentes

Il-Papa qal li l-koppji jistgħu jiġġieldu kemm iridu matul il-ġurnata, iżda filgħaxija, għandhom jirrikonċiljaw. Huwa qal dan f’laqgħa ma 370 koppja fi Pro-Katidral f’Dublin.

F’din il-laqgħa tliett koppji saqsew lill-Papa mistoqsijiet dwar iż-żwieġ u l-familja. Dawn qalu li l-ħajja tal-familja hija ta’ sfida, imma vallapena biżżejjed biex jiġġustifika l-isforz.

Il-papa beda l-vista tiegħu b’talba ta’ silenzju għall-vitmi ta’ abbużi klerikali. Il-Papa ġie milqugħ fuq l-artal tal-Katidral ta’ Santa Marija minn Ryan u Caroline Feeney, koppja li għadha kemm iżżewġet minn Belfast. Dawn tawh il-fjuri, filwaqt li koppja li ilha 50 sena miżżewġa tagħat kliem ta’ inkoraġġiment dwar iż-żwieġ lill-kongregazzjoni.

Koppja li se tiżżewweġ saqsiet lil Papa kif tista’ tgħin lil nies oħra jaraw kif iż-żwieġ mhux biss istituzzjoni, iżda wkoll vokazzjoni. Il-Papa qal li meta mara u raġel Kristjani jidħlu fir-rabta taż-żwieġ, il-grazzja t’Alla tagħtihom il-possibilità li b’libertà jwegħdu lil xulxin imħabba esklussiva u b’saħħitha.

Koppja Irlandiża oħra saqsiet lill-Papa kif il-ġenituri jistgħu jgħaddu l-fidi lil uliedhom, il-Papa qal li t-tfal jitgħallmu dwar il-fedeltà, l-integrità u s-sagrifiċċju fil-Knisja domestika.

Wara din il-vista, il-Papa mar fiċ-ċentru għall-komunità ta’ nies li ma għandhomx saqaf fuq rashom. Iċ-ċentru jipprovdi aktar minn 800 ikla sħuna kuljum lill-familji fil-bżonn, kif ukoll sevizzi mediċi u sapport minn ħaddiema soċjali. Hawn, il-Papa ġie milqugħ minn għadd ta’ Patrijiet Kapuċċini.