Iġġarrfu l-imperi għax iġġarrfu l-valuri – L-Isqof Galea-Curmi

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi spjega li l-Kelma ta’ Alla turina li meta jiġġarrfu l-valuri jiġġarrfu l-imperi. Dan kien fil-qofol tar-riflessjoni tiegħu fuq l-Evanġelju tal-ġurnata li kien dwar il-qerda tat-Tempju, waqt quddiesa fl-okkażjoni taċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni tal-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali. F’din iċ-ċerimonja ggradwaw 138 persuna, minn żgħażagħ sa adulti.

L-Isqof Galea-Curmi stqarr li meta l-ħażin isir stil ta’ ħajja, “verament inkunu qegħdin qalb it-tiġrif”. Qal li meta jiġri hekk, nintebħu li qabel ikunu diġà ġġarrfu valuri umani bażiċi, bħall-onestà, l-integrità, is-sinċerità, il-ġustizzja, il-verità, ir-rispett lejn il-ħajja u d-dinjità ta’ kull bniedem.

Spjega li Ġesù, filwaqt li jwissina biex ma nitqarrqux, jgħinna ma nkunux kompliċi fit-tiġrif ta’ dak li hu tajjeb, tal-valuri, forsi għax nibżgħu ngħidu l-affarijiet b’isimhom jew għax nidħlu f’qoxortna u nippreferu ngħixu ħajja ta’ indifferenza.

L-Isqof qal li l-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta joffri formazzjoni fuq dak li tassew jiswa fil-ħajja u li ma jiġġarrafx. Qal li Ġesù jrid minna li nkunu nies ta’ tama għaliex hekk nistgħu nibnu ġebla fuq oħra li tibqa’ u li ma tiġġarrafx. Huwa appella lill-gradwati kollha biex ikomplu bl-impenn ta’ formazzjoni kontinwa u jagħtu xhieda sabiħa tal-ħajja Nisranija fis-soċjetà Maltija.

Aqra aktar hawn.