Iġeddu t-talba tagħhom għall-Vot 16 fl-elezzjonijiet kollha

Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ) ġedded it-talba tiegħu biex il-proposta dwar id-dritt tal-vot li għandu jingħata liż-żgħażagħ ta’ 16 u 17-il sena fl-elezzjonijiet kollha tiġi diskussa b’mod immedjat qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2018.
F’Settembru li għadda, il-President tal-KNŻ flimkien mal-President tal-Alternattiva Demokratika Żgħażagħ (ADŻ), Forum Żgħażagħ Laburisti (FŻL), Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN), Pulse u Studenti Demokratiċi Maltin (SDM) ħarġu talba konġunta biex fil-Parlament tiġi diskussa immedjatament il-proposta li żgħażagħ minn 16-il sena ‘l fuq ikollhom dritt għall-vot fl-elezzjonijiet kollha.
Barra minn hekk, ftit tax-xhur ilu, il-Membri Parlamentari Marlene Farrugia u David Agius kienu ressqu mozzjoni dwar id-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet kollha liż-żgħażagħ ta’ 16-il sena.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil kien saħaq li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jappoġġja din il-mozzjoni filwaqt li l-Whip tal-Partit Laburista Godfrey Farrugia kien qal li din is-sena se tinfetaħ konsultazzjoni biex tiġi analizzata l-estenzjoni ta’ dan id-dritt għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-elezzjonijiet ġenerali.
Reazzjoni Partit Demokratiku:
F’reazzjoni, il-Partit Demokratiku sostna li jagħti s-sapport tiegħu lill-KNŻ għal dibattitu immedjat fil-Parlament.
Il-Partit Demokratiku jemmen li ladarba ż-żgħażagħ ta’ 16-il sena diġà jistgħu jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, hekk ukoll għandhom ikunu fdati bid-dritt tal-vot għall-elezzjonijiet ġenerali.
Reazzjoni Alternattiva Demokratika Żgħażagħ:
F’reazzjoni, l-ADŻ stqarret li hi favur il-Vot 16 għall-elezzjonijiet kollha.
Fakkret kif l-Alternattiva Demokratika ilha tikkampanja għall-Vot 16 mill-2008.
Għaldaqstant, l-ADŻ tinsab kuntenta li l-għaqdiet politiċi taż-żgħażagħ u tal-istudenti, flimkien mal-KNŻ, jaqblu ma’ din il-proposta.