“Iftaħ l-ajruport” – L-MHRA lill-Gvern

Miguela Xuereb

Read in English.

L-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti appellat lill-Gvern sabiex jiftaħ l-ajruport għax jekk ma jagħmilx dan qed jirriskja li eluf ta’ persuni jispiċċaw bla xogħol għal perjodu twil.

Fi stqarrija, l-MHRA faħħret il-passi li qed jieħu l-Gvern billi jindirizza l-impatt bla precedent fuq is-servizzi tas-saħħa u l-ekonomija tal-pajjiż ikkawżati mill-coronavirus.

L-MHRA qalet li tirrikonoxxi li f’perjodu qasir ħafna, l-ekonomija globali twaqqfet ħesrem hekk kif eluf ta’ persuni mardu u kien hemm għexieren ta’ mwiet minħabba l-pandemija. L-MHRA qalet li f’każi bħal dawn huwa importanti li wieħed immedjatament iħares is-saħħa tal-bnedmin u qal li Malta skattat ħidma li wasslet biex l-impatt fuq Malta jkun ħafna inqas minn dak prevvist. Qalet iżda li l-prezz għal dan ħallsitu l-ekonomija bis-setturi tat-trasport, l-ivjaġġar, turiżmu, l-ospitalità, l-isport u setturi oħrajn li kellhom jieqfu ħesrem.

Il-President tal-MHRA Tony Zahra qal li s-settur tat-turiżmu f’Malta jinsab iddisprat biex jinfetaħ għan-normal il-ġdid. L-MHRA enfasizzat li filwaqt li huwa importanti li wieħed jissalvagwardja l-ħajjiet, imma l-ekonomija hija importanti għall-ħajja wkoll. Spjegat li l-ekonomija mhux se tkun l-istess bħal kif kienet fl-aħħar snin, imma se tkun affaċċjata minn realtà ġdida. Qalet iżda li wieħed ma jistax jibqa’ jipprokrastina l-ftuħ tas-settur.

Zahra enfasizza li aktar kemm jgħaddi żmien, l-ekonomija tal-pajjiż dejjem qed tgħereq aktar. Qal li l-Gvern qed jonfoq il-miljuni biex iżomm il-poplu d-dar, liema miljuni jrid irodd lura l-poplu stess mit-taxxi. Qal li jekk l-ajruport ma jinfetaħs, se jkun hemm massa ta’ persuni li se jispiċċaw bla xogħol. Qal li m’hemm l-ebda raġuni għaliex l-industrija żżomm lill-ħaddiema tagħha jekk m’hemmx sajf. Qal li mbagħad forsi jerġgħu jaħsbu biex jimpjegaw lin-nies fl-Għid tal-2021, dejjem jekk ikun irnexxielhom iżommu n-negozju tagħhom ħaj sa dak iż-żmien. Insista li din mhix theddida imma biss fatt tal-ħajja.

Wara d-diskors tal-Prim Ministru tal-bieraħ, diversi entitajiet, partikolarment assoċjazzjonijiet mil-lat tas-saħħa, irrimarkaw li l-Gvern qed ipoġġi l-ekonomija qabel is-saħħa taċ-ċittadini tiegħu.

Ilbieraħ, il-Prim Ministru Abela kkritika lil dawk li allega li qed ibeżżgħu bit-tieni mewġa. Abela qal li l-mewġ fil-baħar qiegħed u li l-aħħar ħaġa li jistgħu jagħmlu n-nies hi li jmorru u jgawdu l-baħar. Qal li għandhom iżommu d-distanza minn xulxin. Abela qal ukoll li wieħed m’għandux iżomm lin-nies kastigati d-dar jekk l-evidenza xjentifika tgħid li m’hemmx għalfejn isir hekk.

Il-PM Robert Abela qal li l-Gvern mhux se jkun qed jixtri l-isptar prefabrikat. Qal li dan ġie deċiż fuq parir tal-awtoritajiet tas-saħħa. Hu ħabbar ukoll li r-ristoranti u l-hairdressers se jkunu jistgħu jerġgħu jiftħu sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn