Awdjo: Nammetti li bżajt u tfixkilt waqt l-omelija imma nitlob għalih – Dun Mario Delmar

Dalgħodu fil-Knisja ta’ Stella Maris f’Tas-Sliema, waqt il-quddiesa tad-disgħa, raġel ta' nazzjonalità barranija deher li kien fis-sakra meta f'daqqa waħda deher jagħmel xi mossi b'idejh u għadda xi kummenti.
Il-qassis li dak il-ħin kien qed jagħmel l-omelija, Dun Mario Delmar qal ma' Newsbook.com.mt li dak il-ħin tfixkel, ammetta li beża u li ma setax jikkonċentra fuq l-omelija u b'hekk kellu jieqaf. 
Xi rġiel dak il-ħin qamu biex joħorġuh 'il barra, u minkejja li r-raġel offra xi ftit reżistenza, ħarġuh mill-Knisja iżda mbagħad reġa’ daħal u waqaf quddiem l-ambone fejn għadda xi rimarki liċ-ċelebrant.
Dun Mario qal li qatt ma kien ra lir-raġel qabel u minkejja li beża' huwa sostna li fl-ebda ħin ma ġie mhedded u li r-raġel qatt ma kien vjolenti. B' umiltà, Dun Mario qal li quddiem ċirkostanza bħal din, iħoss li għandu jitlob għal dan ir-raġel u oħrajn li qed jgħaddu minn problema ta' alkoħol.
Il-Pulizija li ntervjeniet f'dan il-każ ikkonfermaw li r-raġel kien qiegħed fuq programm ta' riabilitazzjoni fi sptar fil-qrib f'Tas-Sliema.