Ifittex lill-PM, il-Ministru Camilleri u l-brigadier għad-danni wara l-mewt ta’ ħuh

Read in English.

Raġel li qed jgħix f’Amsterdam fl-Olanda bi status ta’ ażil u oħtu li tgħix fl-Iżvezja qed ifittxu għad-danni lill-Prim Ministru Robert Abela, lill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri u lill-Brigadier tal-Forzi Armati ta’ Malta Jeffrey Curmi. Dan wara li allegaw li ħuhom tilef ħajtu waqt ħidma ta’ salvataġġ ikkordinata minn Malta bejn is-Sibt 11 ta’ April u l-Ħamis 16 ta’ April.

Fi protest lill-Gvern Fthawi Tesfamichael Welday u Ashafa Letenugus Amelesom ta’ nazzjonalità Eritreana qalu li ħuhom, Mogos Tesdamichael Welday kien wieħed mill-immigranti identifikati li mietu waqt ħidma ta’ salvataġġ u li fiha kienet involuta dagħjsa tas-sajd li ttajjar il-bandiera Libjana. Qalu li din il-ħidma kienet ikkordinata mill-Awtoritajiet Maltin.

Dan il-każ qajjem kontroversja sħiħa f’Malta matul l-aħħar xahar. Dan wara li fis-16 ta’ April, l-għaqda Repubblika għamlet rapport kontra l-Prim Ministru Robert Abela, il-Brigadier tal-Armata Jeffrey Curmi, u l-ekwipaġġ tal-patrol boat P52. Iż-żewġ denunzji ta’ Repubblika ġew iffrimati mill-Avukati Jason Azzopardi, Paul Borg Olivier, u Andrew Borg Cardona. Repubblika talbet lill-Pulizija tinvestiga jekk Abela u Curmi humiex ħatja ta’ qtil volontarju.

Il-Prim Ministru kien indirizza lin-nazzjon nhar is-17 ta’ April fejn qal li jinsab “seren” wara li qal lill-Pulizija li lest joqgħod għal kwalunkwe investigazzjoni kontrih b’rabta mal-imwiet tal-immigranti fl-ibħra Maltin fl-aħħar jiem. F’diskors li ta fil-Berġa ta’ Kastilja, Abela qal li bħalissa jinsab taħt inkjesta maġisterjali fuq qtil volontarju – akkuża li ġġorr magħha piena ta’ għomor il-ħabs.

“Id-dgħajsa kellha l-obbligu li ssegwi l-istruzzjonijiet tal-Istat Malti”

Fil-protest, l-avukati rappreżentanti ta’ Tesfamichael Welday insistew li d-dgħajsa tas-sajd li ssalpa b’bandiera Libjana telqet minn Malta bħala agent tal-Istat biex toffri assistenza lil dgħajsa tal-immigranti li kienet fid-diffikultà. Dan minħabba li skont il-Gvern, ir-riżorsi tiegħu kienu impenjati fil-kapaċità massima tagħhom.

Meta tkellem mal-media lokali wara li xehed fil-Qorti b’rabta mal-proċedimenti kriminali li hemm għaddejjin, il-Prim Ministru Robert Abela qal li dakinhar tal-Għid il-Kbir, il-Forzi Armati ta’ Malta kienet għaddejja b’ħidma sħiħa bil-patrol boats kollha tagħha u wkoll l-ajruplani tagħha hekk kif kienet impenjata b’ħames ħidmiet ta’ salvataġġ.

Il-protest ikompli jgħid li ladarba d-dagħjsa kellha obbligu li ssegwi l-istruzzjonijiet tal-Istat Malti f’din il-ħidma, il-verżjoni li din kellha tiddaħħal fil-home port tagħha mhix ġustifikata. Jinsisti li tmur kontra l-obbligi ta’ Malta li l-immigranti jitwasslu f’post sigur. Il-protest tirrimarka li l-mewt ta’ Mogos Tesfamichael Welday seħħet bħala konsegwenza tal-ħidma mmexxija mill-Awtoritajiet Maltin u min-nuqqas tal-istat Malti li jonora l-obbligi internazzjonali tiegħu.

L-avukati rappreżentanti sostnew li l-vittma kellu raġunijiet validi għaliex iressaq it-talba tiegħu għall-ażil. Qalu li d-dritt tiegħu li jagħmel dan kien imċaħħad bl-azzjonijiet tal-gvern Malti. B’hekk qalu li l-għemil wassal għall-vjolazzjoni tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem imwettaw mill-Istat Malti kontra il-vittma. Qalu wkoll li Malta hija fi vjolazzjoni ta’ obbligi oħra internazzjonali, inkluż Artikolu 18 ta’ Karta tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Unjoni Ewropea u bi ksur tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

L-ittra kienet iffirmata mill-avukati Paul Borg Olivier u Evelyn Borg Costanzi.