Ifittex lil Madonna għad-danni għax bidlet il-ħin

Ritratt: Ricardo Gomes/Twitter/Madonna

Raġel minn Florida fl-Istati Uniti qed ifittex lil Madonna għad-danni wara li l-kantanta bidlet il-ħin tal-kunċert tagħha u tefgħetu sagħtejn tard.

Nate Hollander fetaħ kawża kontra Live Nation u Madonna l-ġimgħa l-oħra fejn qed jallega li l-bidla fil-ħin tal-ftuħ tal-kunċert tagħha jassumi ksur tal-kuntratt li sar bejn il-kantanta u x-xerrej tal-biljett.

Meta f’Awwissu li għadda Hollander xtara tliet biljetti għall-kunċert ta’ Madonna li se jsir fis-17 ta’ Diċembru f’Fillmore Miami Beach, il-kunċert kien skedat li jibda fit-8.30pm. Iżda fit-23 ta’ Ottubru Madonna u Live Station bidlu l-ħin għall-10.30pm. Semma l-fatt li dawk li xtraw il-biljetti u ma jridux imorru għall-kunċert aktar fit-tard kemm Madonna u Live Nation mhux qed jagħtuhom flushom lura.

Ir-raġel qal ukoll li kull attentat biex ibigħ il-biljetti mhux se jpatti għall-flus li tilef għax issa l-biljetti tilfu ħafna mill-valur tagħhom minħabba l-bidla fil-ħin. “Huma impossibbli li l-biljetti jinbiegħu,” saħaq Hollander. Hollander kien xtara tliet biljetti u għalihom ħallas $1,024.95.