Iffurmat tim biex tonqos l-istennija f’Mater Dei

Il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei waqqaf tim li mistenni jidentifika u jimplimenta azzjoni li tista’ sservi biex jitnaqqsu l-listi ta’ stennija.
Fi stqarrija, l-Isptar Mater Dei ħabbar din l-inizzjattiva wara li r-rapport tal-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali espona numru ta’ problemi li qed iwasslu għal "dewmien eċċessiv" fl-Outpatients.
Il-Kap Eżekuttiv Ivan Falzon qal li uħud minn dawn il-problem huma sfidi affaċċjati minħabba li l-Isptar m’għandux kontrol dirett fuqhom.
Uħud mill-osservazzjonijiet imsemmija fir-rapport jirrikonoxxu t-titjib li sar fl-aħħar snin kif ukoll il-ħidma li ssir mill-professjonisti fil-qasam tas-servizzi mediċi.
B’referenza għar-rapport ta’ 77 paġna li ħareġ l-Erbgħa, il-Kap Eżekuttiv qal li huwa rapport ibbilanċjat u qal li permezz ta’ dan it-tim ġdid, l-isptar se jkun jista’ janalizza sewwa l-kontenut filwaqt li jaġixxi dwar ir-rakkomandazzjonijiet.
L-istqarrija ssemmi wkoll numru ta’ inizzjattivi msemmija fir-rapport li l-Awditur Ġenerali identifika bħala titjib fl-isptar.
Fosthom jissemmgħu l-użu tal-formoli onlajn, l-użu tal-messaġġi li jintbagħtu permezz tal-mobile biex ifakkru lill-pazjenti, iż-żieda fis-sigħat li jsiru l-operazzjonijiet u l-introduzzjoni tal-Helpline apposta għall-Outpatients.