Iffriżati l-miljuni ta’ Taljan b’rabtiet mal-mafja mistoħbi Malta

Read in English.

Il-Guardia di Finanza f’Reġġju Kalabrija ffriżat l-assi ta’ Antonio Ricci, persuna ta’ awtorità fil-gaming, li ilu joqgħod Malta għal 10 snin.

Il-ġurnal Taljan La Repubblica jgħid li Ricci, li għandu 43 sena, huwa wieħed mill-kbarat ta’ ‘Ndrangheta u jipproċessa l-logħob tal-azzard online. Ricci joqgħod Malta, u fix-xhur li għaddew, l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera rrifjutat talbiet biex hu jiġi estradit lejn l-Italja peress li hu kien qed jiġi investigat, u ma kienx akkużat b’reati kriminali.

L-operazzjoni Galassia kienet l-investigazzjoni li rriżultat fl-iffriżar tal-assi ta’ Ricci llum, li jammontaw għal madwar €400 miljun. L-investigaturi qed iqisu li l-assi tiegħu kollha ġejjin minn ħasil tal-flus permezz tal-imperu li bena fl-online gaming. Il-kumpaniji ta’ Ricci huma “Oia Services Limited”, “Harvey Gaming Limited” (li qabel kien jisimha “Gvc New Ltd”) u “Wls Limited”.

La Repubblica tirrapporta li dan in-negozju jinvolvi wkoll l-ogħla familji ta’ ‘Ndrangheta, bħall-familji De Stefano, Tegano, Pesce u Bellocco.