Iffriżati l-assi tal-Gram

Il-Qorti ordnat li jiġu ffriżati l-assi tal-ġojjelier George Tabone u l-kumpaniji tiegħu Gram Collections.

Id-deċiżjoni tal-Maġistrat Lawrence Quintano ingħatat wara li l-ġimgħa li għaddiet Tabone ġie akkużat li laqa’ għandu oġġetti tad-deheb misruqa wara li allegatament xtara ġojjelli misruqa b’valur ta’ €350,000. Il-ġojjelli kienu insterqu f’Awwissu 2011 mill-kumpanija Piazza Antiques.

Sid Piazza Antiques, Alfred Borg qal li meta kien infurmat bis-serqa mill-pulizija, tahom lista tal-oġġetti misruqa li kellhom valur ta’ iktar minn €500,000. Qal li qatt ma rkupra xejn mill-oħħetti li nsterqulu.

Wieħed mill-ħallelin, Glenn Debattista, qal li wara s-serqa, il-ħallelin qasmu l-affarijiet bejniethom. Qal li hu biegħ is-sehem tiegħu u ta’ ibnu lill-akkużat billi mar fil-ħanut f’B’Kara erba’ darbiet u qal lil Tabone li l-oġġetti kienu misruqa.

Il-Qorti neħħiet id-divjet minn fuq isem l-akkużat.