​Iffriżar: Tawlu l-konsultazzjoni – Fondazzjoni Integra

Skont il-Fondazzjoni Integra, l-emendi għall-Abbozz tal-Liġi għall-Protezzjoni tal-Embrijun jeħtieġ kunsultazzjoni b'rispett u appellat lill-Gvern biex jestendi l-proċess ta’ konsultazzjoni.
Il-Fondazzjoni Integra twaqqfet fl-2004 u taħdem favur id-drittijiet tal-minoritajiet u l-gruppi emarġinati.
L-Integra qalet li “id-djalogu, konsultazzjoni, u kooperazzjoni bejn il-Gvern u s-soċjetà ċivili hija ċentrali għal demokrazija b’saħħita. Proċess ta’ konsultazzjoni rispettabbli għandu bżonn konsiderazzjoni bil-għaqal, parteċipazzjoni reali, u djalogu biex jiġu assigurati l-fiduċja u t-trasparenza.”
Skont il-fondazzjoni, l-Abbozz huwa wieħed kumplikat imma importanti. Qalet li se jaffettwa l-ħajja ta’ ħafna persuni. Qalet lill-Gvern li hemm bżonn ħin biex tiġi assorbita informazzjoni ġdid, issir ir-riċerka, u biex ikun hemm lok għar-riflessjoni.
Fi kliem l-Integra, jekk isiru miri fil-ħin li għandu jieħu l-proċess li ma jkunux realistiċi, dan ikun ifisser nuqqas ta’ rispett lejn il-proċess ta’ konsultazzjoni u lejn in-nies li se jiġu affettwati bl-Abbozz.