Aġġornata: L-emendi “fil-friża” għal ħmistax qabel tkompli d-diskussjoni

Ġiet fi tmiemha d-diskussjoni fl-istadju tat-tieni qari dwar l-emendi tal-Att għall-Protezzjoni tal-Embrijuni iżda votazzjoni dwar dan se tittieħed fit-23 ta’ dan ix-xahar biex minn hemm, l-abbozz jgħaddi għal stadju ta’ kumitat.
Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li issa l-Gvern se jagħti ftit ġimgħat qabel mal-abbozz ta' liġi jgħaddi għall-istadju ta' kumitat fejn jistgħu isiru diversi emendi f’test speċjalment fit-terminoloġija biex tissaħħaħ l-liġi.
Fid-diskussjoni ħadu sehem xejn inqas minn 42 parlamentari.
Fil-winding up, il-Ministru Fearne qal f’dawn l-aħħar ħmistax-il ġurnata meta l-Parlament iddiskuta dawn l-emendi, sitt koppji saru ommijiet u missijiriet għall-ewwel darba permezz tat-trattament tal-IVF.
Qal li dawn it-tmien trabi – peress li żewġ koppji kellhom tewmin – huma mirkalu peress li disa’ xhur ilu, f’Lulju li għadda kien hemm 32 koppja li rrikorrew għall-IVF.
Fearne qal li wara li tkellmet il-President ta’ Malta dwar dan l-att, huwa mar jitkellem magħha kif mar jitkellem ukoll mal-isqfijiet ta’ Malta.
“Il-kiri tal-ġuf isir biss fl-Ukrajna u l-Kenja” – Busuttil
Id-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-kiri tal-ġuf issir biss f’pajjiżi bħall-Ukrajna u l-Kenja għall-prezz ta’ 37,000 dollaru.
Busuttil qal li fil-pajjiżi l-iktar liberali fosthom l-Iżvezja, se jgħaddu liġi biex il-kiri tal-ġuf jiġi pprojbit.
Sostna li l-Gvern irid iġib l-iffriżar tal-embrijuni minn każijiet eċċezzjonali għal ħaġa ta’ kuljum.
Huwa qal li l-argument li qed isir mill-membri tal-Gvern li l-Oppożizzjoni qed tagħmel diskriminazzjoni mal-koppji omosesswali, hu wieħed bla bażi.
Spjega kif hi n-natura stess li tiċċaħħad l-opportunità lil dawn il-koppji biex isiru ġenituri u spjega li f’dan is-sens, il-liġi għandha tapplika għal kulħadd l-istess. 
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli qal li minkejja l-impressjoni li qed tingħata mill-Gvern, kien il-Partit Nazzjonalista li daħal il-liġi tal-IVF f’Malta, fejn l-ewwel twelid imur lura sal-1991. 
Spjega kif wara kien hemm il-liġi tal-2012 li għaddiet b’kunsens fil-Parlament.
Sostna li din il-liġi qed tiddaħħal “b’insult u bl-għaġġla” għax qal li l-konsultazzjoni se ssir wara li l-liġi tkun approvata.
Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina sostna li l-kiri tal-ġuf ġab problemi kbar għaliex hemm element ta’ sfruttament li hu perikoluż ħafna.
Min-naħa tiegħu, Carm Mifsud Bonnici qal li b’dawn l-emendi, il-Gvern qed idaħħal kunċett ġdid fl-istorja tad-dritt, fejn l-istat se jsir proprjetarju ta’ bnedmin li huma ffriżati.
In-Netwerk Malti għall-Infertilità jirrispondi lil Simon Busuttil
Fi stqarrija, in-Netwerk qal li l-kliem weġġa’ bosta koppji li qed jesperjenzaw l-infertiltà.
Appellaw għall-kawtela fuq dak li jingħad fuq il-koppji li qed jirrikorru għal dawn it-trattamenti tal-infertilità, kif ukoll fuq familji ġodda fejn it-tfal ġew ikkonċeputi permezz ta’ trattamenti varji fosthom donazzjoni ta’ gametti jew embrijuni ffriżati u anki permezz tal-kiri tal-ġuf.
In-netwerk sostna li għalkemm it-tfal mhumiex dritt għall-koppji li qed ibatu mill-infertilità, xorta waħda jemmnu li “l-koppji għandu jkollhom l-aqwa l-opportunitajiet biex jippruvaw iħaddnu tarbija magħhom permezz tat-trattamenti varji għal infertilità”.
Il-Partit Laburista dwar id-diskors ta’ Busuttil
Anki l-Partit Laburista kkummenta dwar id-diskors ta’ Busuttil fil-Parlament. Qal li l-attitudni ta’ kelliema tal-oppożizzjoni, partikolarment ta’ Simon Busuttil, skont il-Partit Laburista hija inaċċettabbli.
Il-Partit Laburista qal li fid-dibattitu fi stadju tat-tieni qari dwar l-emendi fil-liġi tal-IVF reġa’ wera d-differenza bejn gvern u oppożizzjoni.