Iffriżar: “Kieku għadni fil-Parlament nivvota kontra l-emendi tal-Gvern”

L-Eks Deputat Mexxej tal-Partit Laburista George Vella saħaq li kieku għadu Membru Parlamentari, żgur jivvota kontra l-emendi li qed jipproponi l-Gvern għall-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni.
Il-proposti jinkludu li l-embrijuni jiġu ffriżati jekk il-koppja tagħti l-kunsens għall-addozzjoni u li ssir konsultazzjoni pubblika biex il-kiri tal-ġuf ma jibqax kontra l-liġi f’xi każijiet.
F'intervista ma' The Malta Independent on Sunday, Dr Vella esprima li hu totalment kontra dawn il-kunċetti, minkejja li kien fost dawk li ppromovew il-liġi tal-IVF fl-2012, li fi kliemu hija fl-aqwa interessi tal-embrijun.
Jaqbel li l-koppji li ma jistax ikollhom tfal, jingħataw l-għodda kollha possibbli imma b’kunsiderazzjonijiet etiċi u morali.
George Vella kien leħħen in-nuqqas ta’ qbil dwar l-Abbozz propost mill-Gvern, meta fi tweet iddeskrivieh bħala “abbozz li jgħawweġ l-etika, il-moralità u d-dinjità umana”.
Mistoqsi mill-ġurnal jekk tkellimx mal-Prim Ministru qabel ħabbar il-pożizzjoni tiegħu, hu stqarr li m’għandux għalfejn, għax m’għadux fil-politika u li mhu se jaffilja ruħu mal-ebda grupp dwar din il-kwistjoni.
“L-adozzjoni tal-embrijun hi biss skuża”
Skont Dr Vella, l-adozzjoni tal-embrijun iffriżat qed tiġi introdotta ‘bħala skuża’ għall-embrijuni ffriżati kollha li jkun hemm disponibbli. Spjega li l-għażliet l-oħra jkunu, li l-embrijuni l-oħra li ma jintużawx jintremew jew jintbagħtu għar-riċerka.
Stqarr li wieħed jarmi l-embrijuni ma jkunx konsistenti mal-wegħda tat-tobba li jippreservaw il-ħajja fi kwalunkwe kundizzjoni.
“Il-Gvern ipinġi l-kiri tal-ġuf altruwistiku bħala karità”
Fi kliemu, minkejja li l-Gvern qed ipinġi l-kiri tal-ġuf altruwistiku bħala karità, kulħadd jaf x’jiġri: “jiġi kkummerċjalizzat fl-interessi biss għall-koppja u xejn għall-embrijun”.
It-tabib Vella jemmen li adozzjoni ta’ embrijun iffriżat minn koppji tal-istess sess imur kontra n-natura.
Dwar il-morning-after pill, Vella huwa kontra, u fakkar kif meta kien għadu fil-Parlament oġġezzjona għall-introduzzjoni tagħha.