​Iffriżar: Impossibbli li l-pajjiż jappoġġja liġi jekk ma jifhimhiex – aditus

Il-Fondazzjoni aditus qalet li huwa impossibbli biex Malta tappoġġja l-liġi dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni jekk il-poplu ma jistax jifhem l-aktar dispożizzjonijiet importanti tiegħu.
Il-Fondazzjoni aditus hija għaqda non-governattiva b’missjoni li ssegwi, tirrapporta, u taġixxi fuq l-aċċess għad-drittijiet umani f’Malta.
Fi stqarrija, il-Fondazzjoni talbet lill-Ministru għas-Saħħa biex iwaqqaf il-proċess leġiżlattiv u jagħżel proċedura konsultattiva li hija aktar inklussiva.
Il-Fondazzjoni qalet li tilqa’ l-estenzjoni tal-konsultazzjoni dwar il-liġi tal-Protezzjoni tal-Embrijuni mill-Ministru għas-Saħħa. Qalet li t-temi kumplessi tal-Abbozz għandhom bżonn konsultazzjoni fonda, onesta, u inklussiva.
Tilqa’ wkoll it-tneħħija tal-projbizzjoni diskriminatorja għall-aċċess għall-prokreazzjoni bl-assistenza għall-koppji tal-istess sess. Tinnota li l-Abbozz japprova s-sejħa tal-aditus biex id-donazzjoni tal-isperma u l-bajda tiġi dekriminalizzata. Madanakollu, il-Fondazzjoni tħoss li l-Abbozz ma jistax jidħol fis-seħħ bil-mod kif qiegħed imfassal bħalissa peress li jqajjem kwistjonijiet serji b’rabta mad-drittijiet tal-bniedem.
“Filwaqt li l-Atiklu 16 tad-Deklerazzjoni Universali għad-Drittijiet Umani jirrekjedi li l-pajjiżi jippermettu, jinkoraġġixxu, u jappoġġjaw it-twaqqif tal-familji, mhemm l-ebda impenn indikat b’mod ċar biex pajjiż jipprovdi servizzi ta’ prokreazzjoni bl-assistenza tal-mediċina.” Fi kliem l-aditus, jekk stat jiddeċiedi li joffri servizz bħal dan, dan ma jistax ikun wieħed diskriminatorju.
L-aditus tinsab imħassba wkoll dwar il-proċedura li biha embrijuni jistgħu jiġu ‘donati’ jew ‘addottati’. Qalet li dan jista’ jkun pariġġ addozzjoni sfurzata.
“Nistaqsu wkoll dwar kemm hi addattata l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijuni biex tiddeċiedi jekk ġenituri prospettivi humiex ‘addattati’ jew ‘eliġibbli’ biex jaddottaw embrijun. Skont l-aditus, illum il-ġurnata l-proċess tal-addozzjoni huwa regolarizzat b’mod strett u jaħdem favur l-interessi tat-tfal. Il-Fondazzjoni mhix konvinta li l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijuni se jkunu jistgħu jagħmlu l-istess.
Il-Professur Mary Anne Lauri kienet esprimiet tħassib simili fuq l-istazzjoni RTK 103FM.
Dwar il-kiri tal-ġuf, il-Fondazzjoni qalet li l-kwistjonijiet etiċi u soċjali b’rabta ma’ din il-proċedura bilkemm issemmew fil-konsultazzjoni s’issa. L-aditus qalet li l-kiri tal-ġuf jista’ joffri triq leġittima biex koppji jsiru ġenituri.
“Minflok ma jippreżenta l-opinjonijiet, il-proċeduri, u garanziji b’rabta mal-ġestazzjoni bis-sostituzzjoni, l-Abbozz jabdika din ir-responsabilità għal regolamentazzjoni Ministerjali. Minkejja l-assigurazzjonijiet tal-Ministru li dawn ir-regoli se jkunu ppubblikati, nisħqu li kwistjonijiet ta’ importanza nazzjonali għandhom jiġu regolati bl-aktar mod formali u trasparenti”.
L-aditus qalet ukoll li hemm diversi affarijiet li mhumiex ċari fl-Abbozz.