Iffriżar Embrijuni: “Prova li l-Gvern għaġġel wisq” – PN

Il-Partit Nazzjonalista insista li t-tibdiliet fl-emendi għall-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni ppreżentati fil-Parlament mill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne huma konferma tal-għaġla tal-Gvern.
L-emendi li ppropona l-Gvern jinkludu li l-koppji se jingħataw iċ-ċans ta’ ċiklu addizzjonali biex jimpjantaw l-embrijuni qabel ma jingħataw għall-addozzjoni. Il-kiri tal-ġuf mhux se jkun inkluż fl-emendi tal-Att. Filwaqt li t-tfal li jitwieldu mid-donazzjoni tal-gameti b’mod anonimu jkunu jistgħu jsiru jafu lid-donaturi tal-gameti kif jagħlqu t-18-il sena.
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista insista li l-Gvern aġixxa b’mod mgħaġġel meta ressaq dawn l-emendi u dan il-pass sar b’reazzjoni għall-mewġa ta’ kritika li saret dwar dak li ppropona l-Gvern.
Kompla jgħid li se jkun qed jifli l-emendi sabiex jikkonferma jekk it-tħassib li ħakem lill-gżejjer Maltin hux qed jiġi indirizzati.
Il-PN sostna li se jibqa’ jpoġġi fiċ-ċentru tal-politika tiegħu l-prinċipju li l-ħajja għandha tkun protetta mill-bidu, filwaqt li jikkunsidra l-isforzi u x-xewqat tal-koppji bi problemi ta’ infertilità.
L-istqarrija intbagħtet mill-Kelliem għall-Oppożizzjoni għad-Drittijiet tat-Tfal, Claudio Grech u l-Kelliem għall-Oppożizzjoni għas-Saħħa, Stephen Spiteri.
AD tgħid li qed tilqa’ l-proposti tal-Gvern dwar l-IVF
Intant Alternattva Demokratika fi stqarrija qalet li qed tilqa' l-emendi proposti mill-Gvern fil-liġi tal-IVF.
Iċ-Chairperson ta’ AD Carmel Cacopardo sostna li b’dawn l-emendi, l-liġi issa saret konformi mal-prattiċi internazzjonali kif ukoll ma' deċizjonijiet ta' qrati f'pajjiżi oħra tal-UE. Qal li din issa tilħaq il-bilanċ meħtieġ bejn id-drittijiet tal-partijiet kollha.
Semma wkoll kif dwar il-kiri tal-ġuf, il-Gvern fl-aħħar irrealizza l-bżonn ta’ diskussjoni iktar profonda dwar dan is-suġġett.