​Iffriżar embrijuni: Vella jmeri lil Muscat

George Vella, Eks Deputat Kap tal-Partit Laburista u Eks Deputat Prim Ministru, qal li mhux veru li l-Partit Laburista għandu mandat elettorali biex jemenda l-Att għall-Protezzjoni tal-Embrijun billi jdaħħal l-iffriżar tal-embrijuni u l-kiri tal-ġuf.
Vella kiteb dan f’artiklu f’The Malta Independent tat-Tnejn 29 ta’ Mejju.
Huwa kien qed iwieġeb artiklu tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne iżda l-artiklu ta’ Vella deher l-għada li l-Prim Ministru Joseph Muscat qal waqt attività politika, li l-vot kien wieħed unanimu fil-grupp parlamentari tiegħu għax il-Gvern għandu mandat elettorali.
Huwa t-tieni eksmembru tal-Kabinett ta’ Joseph Muscat li qed jikkontradih.
L-istess diskors diġà għamlitu Deborah Schembri li kienet Segretarju Parlamentari fl-aħħar leġiżlatura.
Waqt intervisti li tat Schembri qalet li fil-programm elettorali tal-Partit Laburista ma kien hemm l-ebda referenza għall-iffriżar tal-embrijuni, il-kiri tal-ġuf u l-għoti b’mod anonimu tal-bajd tal-mara u l-isperma.
Hija qalet ċar u tond li kieku l-programm elettorali Laburista wiegħed dan, kieku hi ma kinitx tikkontesta l-elezzjoni.
Vella  kien l-akbar sostenitur ta’ Muscat fl-elezzjoni għat-tmexxija tal-Partit Laburista, u diversi fil-Partit Laburista jgħidu li kieku ma kienx għall-appoġġ ta’ Vella aktarx li kien jitla’ George Abela flok Muscat. Vella kien Ministru sal-elezzjoni tal-2017 meta kien iddeċieda li ma jikkontestax.
Newsbook jikkonferma: Muscat mhux korrett
Newsbook.com.mt fittex fil-programm elettorali tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-2017. Kuntrarju għal dak li qiegħed jgħid il-Prim Ministru, mhux veru li l-PL wiegħed illi jdaħħal l-iffriżar tal-embrijuni, il-kiri tal-ġuf u l-għoti anonimu tal-bajd tal-mara u l-isperma. L-unika ħaġa li jgħid il-programm elettorali hija li l-Gvern ikompli jwessa’ u jestendi s-servizzi tal-IVF.

Osservaturi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li dak li qiegħed jagħmel il-Prim Ministru jixbaħ lil dak li kienet għamlet il-Ministru Helena Dalli. Waqt konferenza internazzjonali Dalli kienet bdiet tidħak u tgħid li dwar iż-żwieġ bejn il-gays il-programm elettorali kien miktub b’mod li n-nies ma jifhmux x’kellu eżattament f’moħħu l-PL.
Imblukkar tal-kuxjenza?
Fil-konklużjoni tal-artiklu tiegħu George Vella jgħid li kull min ħa pożizzjoni kellu jeżamina l-kuxjenza tiegħu. Vella żied jgħid li huwa mħasseb li seta’ ġara li minħabba l-pożizzjoni riġida li ħa l-Ministru Fearne f’isem il-Gvern, setgħet imblukkat (stood in the way) il-kuxjenza ta’ xi membri parlamentari li fil-kuxjenza kienu ħadu pożizzjoni differenti minn dik tal-Ministru.