Iffriżar Embrijuni: Tkompli l-ġlieda legali dwar l-emendi

Read in English.

B’rikors imressaq mill-avukat u l-eks Ministru Joseph Brincat kompliet il-ġlieda legali dwar l-emendi mill-Att għall-Protezzjoni tal-Embrijuni li daħlu fis-seħħ it-Tlieta li għaddiet.

Brincat ressaq rikors quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili biex jiddefendi dawn l-emendi u b’hekk ikun parti mill-kawża li nfetħet iktar kmieni din il-ġimgħa mill-avukat favur il-ħajja Tonio Azzopardi.

Fil-protest kostituzzjonali li ntalab minn Azzopardi, il-Qorti ntalbet tiddikjara l-emendi li saru għall-Att tal-Protezzjoni tal-Embrijuni u li għaddew mill-Parlament it-Tlieta filgħaxija bħala emendi li jiksru d-dritt għall-ħajja tal-embrijun.

Il-kawża kostituzzjonali hi kontra l-avukat ġenerali. Azzopardi kompla billi qal li skont is-sistema legali Maltija l-ħajja hi protetta mill-konċepiment sal-mewt. Brincat minn naħa tiegħu sostna li hu għandu dritt daqs Azzopardi jiddefendi l-validità tal-emendi li saru.

“Il-Gvern mhux lest jagħti opportunitajiet indaqs lill-embrijun”

Intant, il-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista (MNPN) fi stqarrija rriafferma l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonista favur il-ħajja mill-konċepiment sat-tmiem naturali. Stqarr li għalih, l-embrijun mhux biss tmien ċelloli “kif jaħsibha l-Ministru Chris Fearne iżda hi l-bidu tal-ħajja umana”.  L-MNPN temm jgħid li dan huwa Gvern li jiftaħar bl-ugwaljanza u l-opportunitajiet indaqs iżda mhux lesti li jagħti l-istess opportunitajiet lill-embrijun, li hija ħajja umana.