Iffriżar Embrijuni: Min kellu problema bil-liġi messu tkellem qabel – il-PM

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-prinċipju tal-iffriżar tal-embrijuni daħal mal-liġi originali li ġiet ippreżentata mill-Gvern Nazzjonalista fl-2012. Kien għalhekk li l-Prim Ministru qal li min kellu problema bil-liġi tal-protezzjoni tal-embrijuni messu tkellem qabel.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru qal li dwar il-kiri tal-ġuf il-Gvern ma jridx jgħaġġel għax qal li jrid jiftaħ il-konsultazzjoni biex kulħadd jisma’ l-oppinjonijiet differenti.
Qal li din hi prinċipju ġdid għal Malta u hemm bżonn li ssir evalwazzjoni ta’ kif il-Gvern għandu jgħin lil dawk kollha li għandhom bżonnu.
Dwar it-termini użati fil-liġi, il-Prim Minsitru qal li jekk hemm bżonn jissaħħaħ biex ikun hemm assigurazzjoni ta’ ħela ta’ embrijuni, din tissaħħaħ.
F'diskors ta’ nofsiegħa li għamel fil-Parlament, il-Prim Ministru qara parti mid-diskors li kien għamel fl-2012 bħala Kap tal-Oppożizzjoni fejn kien qal li huwa kburi li hu persuna liberali u li qed jappoġġja l-ideat progressivi.
Semma wkoll il-parti fejn qal li fl-abbozz oriġinali, l-Gvern Nazzjonalista kien introduċa l-kunċett tal-iffriżar tal-embrijuni.
Qabbel il-kampanja kontra l-iffriżar tal-embrijuni mal-kampanja kontra d-divorzju meta l-promuturi, skont il-Prim Ministru, beżżgħu bil-babaw.

Id-deputat Nazzjonalista Herman Schiavone sostna li l-embrijun uman qatt ma tista’ tirrferi għalih bħala oġġett imma bħala bniedem.
Dwar id-diskors tal-Prim Ministru, Schiavone qal li l-Prim Ministru mkien ma semma d-dritt tal-ħajja fl-istat embrijoniku.
Schiavone qal li bid-donazzjoni tal-gameti qed jiċċaħħdu d-drittijiet tat-tfal li jkunu jafu min huma l-ġenituri bijoloġiċi tagħhom.
Appella lill-Prim Ministru biex jagħmel bħal dak li qaltlu l-President biex jitwal iż-żmien tal-ħsieb biex isir studju xjentifiku.
Fid-diskors tiegħu, Schiavone staqsa min huma dawk li għandu jkollhom id-dritt jiddeċiedu minn jgħix u min jiġi ffriżat. Għalhekk qal li “għandna Gvern li ma jismgħax lanqas li dawk il-laburisti li qalulu biex ma jdaħħalx l-iffriżar tal-embrijuni”.
Ammetta li dan huwa “suġġett tekniku ħafna li hu t-tnissil ta’ uliedna fil-laboratorji”.
Dwar il-politika tal-Gvern dwar dan is-suġġett, Schiavone qal li l-Gvern għandu qoxra li qed tippromwovi l-ugwaljanza imma taħtha hemm ħafna aktar.
Huwa kompla jispjega li l-Gvern Laburista għandu dittatorjat tal-ħsieb u ġab eżempju ta’ meta l-Prim Ministru għajjar lill-Oppożizzjoni ipokriti għaliex jaħsbuha b’mod differenti minn dak tal-Prim Ministru.
Staqsa lid-deputati tal-Gvern kemm iħossuhom liberi li jesprimu lilhom infushom b’mod ħieles. Kien għalhekk li Schiavone sostna li l-Prim Ministru mhux qed jadotta l-politika tal-ħsib b’mod ugwali ma’ sħabu d-deputati Laburisti.
Temm billi qal li għax hu favur il-ħajja se jivvota kontra dawn l-emendi kif proposti mill-Gvern.

Id-deputat Laburista Etienne Grech qal li “l-Knisja tħaddan is-suġġett tal-bijoetika b’mod pragmatiku ħafna”.
Fid-diskors tiegħu Etienne Grech qal li matul is-snin, il-Knisja bidlet it-twemmin tagħha fuq ċertu affarijiet. Fost l-eżempji, Grech semma ż-żmien ta’ meta l-Knsija kienet taħseb li d-dinja hija ċatta.
Semma d-diversi raġunijiet li skont hu l-Knisja bidlet id-deċiżjoni tagħha li tkun għamlet fil-passat. Grech qal li dan ma jkunx neċessarjament ħażin.
Qal ukoll li l-isfida tal-Prim Ministru Joseph Muscat li jifred il-Knsija mill-Istat mhix waħda faċli.
Bħal Prim Ministru, Grech qal li jemmen li fi stadju ta’ kumiitat jistgħu jinbidlu jew jisaħħu xi affarijiet skont kif ikun meħtieġ.
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Robert Arrigo beda’ d-diskors tiegħu billi qal li kieku xi ħadd iffriżah kieku ma kienx ikun preżenti llum.
Semma numru ta’ kwistjonijiet etiċi li joħorġu mill-prattika tal-IVF fosthom l-għażla tal-ġenetika, il-ġeneru sesswali u anki l-kiri tal-ġuf.
Qal li l-familja Maltija kif nafuha, il-wiċċ ta’ Malta u l-fundamenti ta’ Malta “bdilnihom waħda u sew”.
Spjega li hu kien ivvota favur id-divorzju filwaqt li qal li l-IVF għandu jsir b’xejn għal kulħadd iżda ma nistgħux inbabsu mal-ħajja.
Tkellmu wkoll is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista u l-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar.