Iffriżar embrijuni: “L-ebda kuxjenza tajba ma tapprovah” – George Vella

L-eks Ministru għall-Affarijiet Barranin u speċjalista rtirat fill-mediċina tal-familja, Dr George Vella stqarr li jemmen bis-sħiħ li l-ebda leġiżlatur b’kuxjenza tajba ma jista’ qatt japprova ċerti prattiċi fl-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni.
F’artiklu ppubblikat fil-gazzetta Times of Malta, Dr Vella kien qed jirreferi għall-emendi proposti mill-Gvern riċentament, li jinkludu li l-embrijuni se jiġu ffriżati biss jekk il-koppja tagħti l-kunsens għall-addozzjoni u li se ssir konsultazzjoni pubblika biex il-kiri tal-ġuf ma jibqax kontra l-liġi f’xi każijiet.
“Itfgħuh fuq l-ixkaffa”
Appella lill-membri parlamentari biex jitfgħu fuq l-ixkaffa temporanjament il-leġiżlazzjoni dwar l-iffriżar tal-embrijuni.
George Vella sostna li minkejja li l-MPs għandhom poteri limitati, hemm bżonn li wieħed jassigura li dawn jintużaw għall-iżvilupp pożittiv tas-soċjetà.
Hu rrimarka li dan għandu jsir b’tali mod li tiġi rrispettata l-etika u l-moralità li tiggwida s-soċjetà għal futur aħjar.
Fl-artiklu, Vella spjega li Malta qed tinbidel b’mod rapidu, u magħha l-mentalità ta’ bosta. Skontu qed tinbidel il-kwalità tal-ħajja, in-normi morali u l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ.
Filwaqt li jsostni li ċerti bidliet huma pjanati u implementanti, oħrajn jitfaċċaw mingħajr l-ebda ppjanar jew kontroll anke jekk bosta ma jkunux jaqblu magħhom.
“Għandu jsir dibattitu nazzjonali onest”
Vella sostna li jekk il-Parlament jiddeċiedi li jwarrab temporanjament il-leġiżlazzjoni, għandha tiġi ppreżentata White Paper, isir dibattitu nazzjonali onest u infurmat dwar il-benefiċċji u l-problemi li leġiżlazzjoni tat-tip tista’ ġġib magħha, imbagħad eventwalment wieħed jibbaża l-leġiżlazzjonijiet fuq ambjent infurmat u fl-aħjar interessi tas-soċjetà.
Nhar il-Ħadd li ġej se ssir manifestazzjoni favur il-ħajja li għaliha se jattendu l-Arċisqof Charles Scicluna u l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech.

https://platform.twitter.com/widgets.js