Iffriżar Embrijuni: Il-Gvern għada se jipproċedi bil-vot

Chris Fearne Doctor
DOI - Jason Borg

Read in English.

Minkejja li l-President kitbet lill-Gvern dwar it-tħassib tal-għaqdiet favur il-ħajja dwar l-emendi miżjuda fl-istadju ta’ kumitat dwar l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni, il-Gvern mistenni jipproċedi bil-vot fil-Parlament għada filgħaxija.

Il-Parlament għada mistenni jivvota biex fost l-oħrajn l-iffriżar tal-embrijuni u l-adozzjoni tagħhom isir legali. Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għas-Saħħa, il-Gvern qal li qed jagħmel hekk b’konvinzjoni u għax qal li aktar persuni se jkunu jistgħħu jsiru ġenituri.

Il-Gvern jitlob parir mill-Avukat Ġenerali

Dwar kritika li dan l-abbozz ippreżentat mill-Gvern jiksirx id-dritt għall-ħajja kif inhu protett mill-Kostituzzjoni, il-Gvern talab parir tal-Avukat Ġenerali.

Fl-istess stqarrija, il-Gvern ikkwota lill-Avukat Ġenerali jgħid li l-emendi ma jinvolvux ksur tal-Kostituzzjoni fejn qal li “l-ebda ksur tal-ġurament tal-kariga jew il-lealtà meħud minnek skont il-Kostituzzjoni”. Il-Gvern ikompli jikkwota lill-Avukat Ġenerali fejn jgħid li “ma nsib li hemm ebda bażi legali biex jingħad minn qabel illi l-konvinzjoni tal-Gvern li l-abbozz ta’ liġi numru 37 huwa konformi mal-Kostituzzjoni hija żvijata jew skorretta”.

“Bilanċ xieraq wara dibattitu li ilu jkarkar snin” – FŻL

Il-Forum Żgħażagħ Laburisti (FŻL) qal li l-emendi li qed jiġu ppreżentati jirrappreżentaw bilanċ xieraq wara dibattitu li ilu jkarkar snin. L-FŻL qal li ilu snin jisħaq li l-liġi preżenti li tirregola l-IVF f’pajjiżna hija arkajka u restrittiva u ma tagħmilx ġustizzja mal-familji li jirrikorru għall-IVF.

Qalu wkoll li tkellmu ma’ familji li għaddew minn din l-esperjenza bir-restrizzjonijiet preżenti u nemmnu li wasal iż-żmien li pajjiżna jagħmel dan il-pass.