Iffriżar embrijun: “Vjolazzjoni tad-dinjità u l-integrità tal-bniedem” – Psikologi

Il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Psikoloġija Adlerjana (MAPA) sostniet li l-embrijun iffriżat huwa vjolazzjoni tad-dinjità u l-integrità tal-bniedem.
Dan qaluh f’ittra ffirmata mill-President Fra Saviour Gatt, miċ-Ċerpersin Suzanne Mohnani u s-Segretarju Frans Chircop, u indirizzat għall-politikanti li bħalissa qed jiddiskutu tibdiliet fl-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni.
L-emendi jinkludu l-iffriżar tal-embrijuni għall-addozzjoni u li ssir konsultazzjoni pubblika biex il-kiri tal-ġuf f’xi każi ma jibqax kontra l-liġi.
Fl-ittra, l-assoċjazzjoni talbet sabiex il-membri parlamentari jirrealizzaw il-poter li għandhom f’idejhom u l-konsegwenzi li jistgħu jġibu magħhom ċertu deċiżjonijiet.
Il-MAPA sostniet li xogħlha huwa li teduka lill-ġenituri u edukaturi kif għandhom jikkontribwixxu fil-formazzjoni tat-tfal u l-adoloxxenti.
L-ittra tislet tmien punti li l-MAPA temmen li hemm bżonn jiġu kkunsidrati f’din id-diskussjoni. Dawn il-punti jinkludu:

  1. Li koppji li għandhom problemi biex ikollhom it-tfal għandhom jingħataw l-għajnuna xjentifika biex ikunu jistgħu jipprokreaw.
  2. Li l-embrijun huwa bniedem mill-mument tal-konċepiment u għaldaqstant il-ħajja għandha tkun protetta sa mill-ewwel mumenti tal-eżistenza tagħha.
  3. Jgħidu li t-trabi kemm mitwielda u dawk li m’humiex għandhom id-dritt għad-dinjita u r-rispett li jirċievi kwalunkwe bniedem ieħor. Għalhekk isostnu li l-embrijun iffriżat huwa vjolazzjoni tad-dinjità u l-integrità tal-bniedem.
  4. Li d-dinjità fil-proċess tal-prokreazzjoni u t-twelid għandhom jiġu bħala riżultat ta’ att ta’ mħabba bejn l-omm u l-missier bijoloġiċi. Għalhekk għandu jkun hemm raġuni valida u neċessarja għal koppja biex tagħmel użu minn proċeduri tal-IVF.
  5. It-tfal għandhom dritt ikun jafu min huma l-ġenituri bijoloġiċi tagħhom.
  6. Huwa dover ta’ kull soċjetà ċivili li tirrispetta u tiddefendi d-drittijiet tat-tfal li għadhom kemm ġew konċeputi, u li bħala embrijuni għad m’għandhomx vuċi.
  7. Il-kreazzjoni tat-tfal huwa rigal tan-natura li għandu jsib dar u familja li tilqgħu fiha.
  8. Il-kiri tal-ġuf huwa parodija tal-kreazzjoni.