Iffriżar Embrijun: “Tiżdied it-tbatija ta’ koppji b’infertilità”

50 akkademiku u speċjalista tat-tfal u l-familji saħqu li bl-emendi proposti mill-Gvern għall-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni, “se tiżdied it-tbatija ta’ koppji bi problemi ta’ infertilità”.
F’rapport, li fih ippubblikaw ir-riflessjoni u t-tħassib tagħhom, spjegaw kif il-koppji li jagħżlu li jiffriżaw l-embrijuni u jagħtuhom b’donazzjoni, m’għandhomx garanzija li fl-aħħar mill-aħħar dawn jiġu adottati.
Fissru kif l-adozzjoni ta’ embrijuni ffriżati twassal għal kumplikazzjonijiet anke għat-tfal.
Fi kliem l-ispeċjalisti, id-donazzjoni anonima tal-gameti mhix aċċettabbli, “għax it-tfal għandhom id-dritt ikunu jafu l-identità tal-ġenituri bijoloġiċi tagħhom”. Insistew li jekk dan jinżamm mistur mit-tfal, jista’ jkun ta’ detriment għal ħajja sana.
Irrimarkaw li l-kiri tal-ġuf iġib miegħu tħassib etiku. Semmew kif terz tal-ommijiet li ġew intervistati f’riċerka fir-Renju Unit, qalu li ħassewhom imdejqin meta wara disa’ xhur tqala taw it-tarbija lill-mara li jkunu ġarrewielha.
Filwaqt li saħqu li hemm bżonn iktar riċerka dwar l-effett tat-teknoloġija riproduttiva assistita fuq il-kwalità tal-ħajja tal-partijiet kollha involuti, jemmnu li fid-dawl li ħafna tfal għadhom jintbagħtu fi djar tat-tfal, għandhom jiġu inkoraġġuti aktar l-adozzjoni u l-fostering.
Ix-xahar li għadda, 100 Professur u Lettur mill-14-il fakultà differenti fl-Università ta' Malta qalu li l-emendi proposti jagħmlu farsa mit-titlu tal-istess liġi, għax jirriduċu l-embrijun għal kważi oġġett.
It-tħassib tal-Moviment Ta' Kana jdur mad-diskriminazzjoni li ssir bejn it-trabi jekk dawn l-emendi jiġu adottati. 
Min-naħa tagħha, l-Assoċjazzjoni tas-Social Workers saħqet li s-soċjetà Maltija għandha tirrispetta l-kwalità tal-ħajja fl-istadji kollha tagħha. 
L-Eks Deputat Prim Ministru Dr George Vella esprima l-pożizzjoni tiegħu kemm-il darba kontra dawn l-emendi. Kien kiteb li l-ebda leġiżlatur b'kuxjenza tajba ma jista' tapprova l-iffriżar tal-embrijuni. Qal ukoll li mhux minnu li l-Partit Laburista għandu mandat elettorali li jdaħħal l-iffriżar tal-embrijuni u l-kiri tal-ġuf. 
L-istess pożizzjoni għandhom żewġ eks membri oħra tal-Kabinett ta' Joseph Muscat – Deborah Schembri li kienet Segretarju Parlamentari u Godfrey Farrugia li kien Ministru għas-Saħħa. 
Ara d-dokument sħiħ hawn taħt.