Iffriżar Embrijun: Il-pedjatri kontra l-emendi fil-liġi

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Pedjatri ħarġet kontra l-emendi fil-liġi tal-iffriżar tal-embrijuni.
Dan sar waqt il-laqgħa ġenerali tal-assoċjazzjoni fl-20 t’April fejn appellaw lill-membri tal-Kamra tar-Rappreżentanti biex iħarsu d-drittijiet umani ta’ kull embrijun fl-amedi tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni.
Waqt il-laqgħa, l-Assoċjazzjoni saħqet li l-applikazzjoni tal-liġi preżenti tal-ħarsien tal-embrijuni kienet solviet il-problema ta’ triplets, li kienet iġġib magħha numru ta’ riskji ta’ kumplikazzjonijiet mediċi għat-trabi.
Approvat ukoll reżoluzzjoni li telenka tliet drittijiet ewlenin ta’ kull embrijun:

  1. Li l-ebda embrijun m’għandu jkun imċaħħad id-dritt tal-ħajja, u li ħajtu tkun sospiża jew ipperikolata.
  2. Li l-embrijuni kollha għandu jkollhom l-istess dritt li jitrabbew mill-ġenituri naturali tagħhom.
  3. U li tfal li jitwieldu mill-IVF għandhom id-dritt li jkunu jafu l-identità tal-ġenituri bijoloġiċi tagħhom, speċjalment biex jevitaw li jkollhom tfal minn qraba bijoloġiċi, hekk kif dan iżid drastikament ir-riskju ta’ mard ġenetiku fit-tfal.

Illum l-Arċisqof Charles Scicluna,  l-Isqof t’Għawdex Mario Grech u l-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona se jkunu preżenti għall-manifestazzjoni favur il-ħajja l-Belt Valletta.