Iffriżar Embrijun: Il-gradwati u n-nisa l-aktar kontra

Il-gradwati u n-nisa huma l-aktar li opponew it-tibdiliet proposti mill-Gvern fl-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni li se jdaħħlu f’Malta l-iffriżar tal-embrijuni.
Stħarriġ tal-opinjoni pubblika juri li 49% tal-gradwati u 43% tan-nisa opponew it-tibdiliet proposti mill-Gvern f’dawn l-emendi.
Meta tqis it-total ta’ dawk kollha li rrispondew għal dan l-istħarriġ, 43% kienu favur filwaqt li 37% kienu kontra, 18% ma kinux jafu x’se jwieġbu u l-bqija ma weġbux għall-mistoqsija.
Fl-istħarriġ li ġie ppubblikat dalgħodu fil-gazzetta Malta Today toħroġ ċara wkoll il-qasma bejn il-partiti.
71% ta’ dawk li qalu li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista fl-2017 huma kontra dawn l-emendi. Għalkemm b’perċentwal inqas, 66% ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni ġenerali, wieġbu li huma favur dawn l-emendi.
L-istħarriġ sar qabel ma ġew ippubblikati xi emendi, bil-Gvern jemenda biss partijiet mil-liġi fosthom dawk relati mal-anonimità u mal-adozzjoni tal-embrijuni ffriżati. L-iffriżar tal-embrijun se jibqa’ fil-liġi.