Iffriżar Embrijun: “B’lealtà biss lejn il-Kostituzzjoni”

Read in English.

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ffirmat il-liġi tal-embrijun, “b’rispett u b’lealtà biss lejn il-proċess demokratiku u l-Kostituzzjoni”, li sostniet li ma jagħtihiex setgħat leġiżlattivi, ħlief li tiffirma l-liġijiet wara li jkunu ġew approvati mill-Parlament”.

Fi stqarrija, mibgħuta lill-Parlament, il-President qalet li qed tiffirma l-Att kif ġie ppreżentat lilha mill-Gvern u ċċarat li fil-każ ta’ abbozzi ta’ liġijiet hi obbligata li tiffirmahom mingħajr dewmien fuq il-parir tal-Gvern jew ta’ Ministru.

Coleiro Preca fissret li wara li ħadet diversi pariri etiċi, morali u legali minn persuni kompetenti, u wara proċess twil ta’ riflessjoni u dixxerniment, fil-kuxjenza tagħha waslet għad-deċiżjoni li tiffirma l-Att. Madanakollu enfasizzat li din id-deċiżjoni mhix kompromess etiku ma’ dawk li sejħet fehmiet sodi u l-valuri personali tagħha dwar il-ħajja umana, il-familja u l-ġid sħiħ tat-trabi mnissla. Il-President saħqet li tibqa’ temmen li d-dinjità umana u l-integrità fiżika ta’ kull bniedem għandhom jiġu rrispettati u mħarsa mill-konċepiment sal-mewt naturali. Stqarret li kull bniedem, anke fi stat embrijoniku, m’għandu qatt jiġi użat bħala oġġett jew jitpoġġa f’riskju li ma jkomplix jiżviluppa b’mod normali.

“L-isfida tas-soċjetà hi li tkompli tipproteġi lil kull min hu dgħajjef, inkluż l-embrijun. Il-fibra morali tal-Istat Malti titmermer jekk titlef ir-rispett lejn il-ħajja umana fl-istadji kollha tagħha”, żiedet tgħid il-President.

Irreferiet għad-dibattitu nazzjonali li tqanqal fl-aħħar ġimgħat u rrimarkat li filwaqt li tapprezza l-kontribut tas-soċjetà u tifhem it-tħassib ta’ xi wħud dwar kwistjonijiet etiċi, morali, psikoloġiċi u legali, tifhem u tempatizza wkoll mal-weġgħat ta’ koppji li ma jistax ikollhom ulied. Il-President spjegat li hi qatt ma kienet persuna li taħrab mir-responsabbiltajiet u għaldaqstant m’għażlitx li tkun barra l-pajjiż meta l-abbozz kien fit-tielet qari.

Aqra l-istqarrija sħiħa hawn

Ħafna kienu dawk li leħħnu l-fehma tagħhom kontra l-proposti mressqa mill-Gvern u mhux biss gruppi favur il-ħajja.  Sal-bieraħ stess, l-avukat Tonio Azzopardi ressaq protest kostituzzjonali li fih talab lill-Qorti tiddikjara li l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun 2018, bħala wieħed li qed jikser id-dritt għall-ħajja tal-embrijun. 

100 Professur u lettur mill-14-il fakultà differenti fl-Università ta’ Malta qalu li l-emendi jagħmlu farsa mit-titlu tal-istess liġi, għax jirriduċu l-embrijun għal kważi oġġett. 

Fil-jiem li għaddew, il-524 tabib, li ffirmaw dikjarazzjoni kontra l-iffriżar tal-embrijuni, esprimew id-diżappunt tagħhom dwar li fi kliemhom il-Ministru għas-Saħħa ma żammx kelmtu, meta qalilhom li l-liġi l-ġdida mhix se tiġġenera numru eċċessiv ta’ embrijuni żejda. Aktar qabel esprimew l-istess sentiment, 100 akkademiku.

Żewġ eksmembri tal-Kabinett tal-Prim Ministru Joseph Muscat ukoll tkellmu bil-qawwa kollha kontra dawn l-emendi. Dr George Vella stqarr li l-ebda leġiżlatur b’kuxjenza tajba ma jista’ japprova ċerti prattiċi fl-Att,  filwaqt li l-Eks Segretarju Parlamentari Deborah Schembri qalet li ma taqbilx mal-iffriżar tal-embrijuni u lanqas mal-kiri tal-ġuf, għax sostniet li t-tfal mhumiex “oġġetti ta’ kuntratt”.