Iffrankati kważi €4 miljuni f’abbużi mill-benefiċċji

Matul l-2014 huwa stmat li ġew imwaqqfa jew riveduti 887 benefiċċju soċjali u dan wara ħidma mid-Dipartiment għall-Investigazzjoni ta’ Frodi ta’ Benefiċċji.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ħamis filgħodu, il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia qal li meta wieħed iqis l-ammonti mħallsa meta mhux dovuti u l-ammont ta’ benefiċċju li kien jibqa’ jitħallas fuq bażi ta’ sena waħda biss, ġew iffrankati madwar €3,832,000.
Fl-2014 l-Ispettorat fi ħdan dan id-Dipartiment għamel 1,391 spezzjoni fuq is-sit u mill-investigazzjonijiet li għamel dan id-Dipartiment sab li 430 każ ma kinux bi ksur tal-provvedimenti tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali.
Minn Jannar 2006 sa Diċembru 2014, il-Ministru qal li d-Dipartiment waqqaf jew irreveda 8,500 benefiċċju u li ġew iffrankati €31,700,000.
Il-Ministru semma’ li baqa’ għadd ta’ każijiet li ġew investigati u li għadhom għand id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għal deċiżjoni finali.
Id-Dipartiment jinstab ukoll fil-fażi finali tal-proċess biex iżid in-numru ta’ Spetturi fi ħdanu.
Ritratt: DOI – Clodagh Farrugia O'Neill