​Iffirmat pjan mal-WHO għar-riġenerazzjoni tas-saħħa mentali

Il-Gvern u l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) iffirmaw ftehim li għandu jwassal għar-riġenerazzjoni tas-saħħa mentali f’Malta.
Fi stqarrija, il-Ministeru għas-Saħħa qal li d-WHO se tingħaqad fi pjan ta’ għaxar snin imħejji mill-Ministeru. Il-pjan għandu jiżgura li l-qasam tas-saħħa mentali jinbidel u jiġġedded.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ppreżenta l-akkreditazzjoni tat-tieni Ċentru ta’ Kollaborazzjoni bejn il-WHO u l-Università ta’ Malta.
Fi kliem Fearne, “Malta llum m’għadiex biss pajjiż membru tal-WHO imma pajjiż fejn hemm kollaborazzjoni sħiħa bejn iż-żewġ partijiet tant li l-Gvern għadu kif iffirma ftehim li permezz tiegħu l-WHO se tkun parteċipi fil-pjan tal-Gvern għar-riġenerazzjoni tas-saħħa mentali f'Malta u li fih hemm ukoll il-kollaborazzjoni ta’ BARTS.”
Hu spjega li din il-kollaborazzjoni se tkun fit-taħriġ tal-professjonisti fil-qasam tas-saħħa mentali u dwar il-kura u t-trattamenti tal-pazjenti.