Iffirmat investiment ta’ €1 miljun li se joħloq 100 impjieg f’Għawdex

Il-Gvern illum iffirma ftehim ta’ investiment ta’ miljun ewro mal-kumpanija RS2, li fis-snin li ġejjin se toħloq 100 impjieg ġdid f’Għawdex.
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo sostna li din il-kumpanija se tespandi l-operat tagħha f’Għawdex wara li evalwat il-viżjoni tal-Gvern u l-klima li qed tinħoloq fil-gżira Għawdxija. Spjega kif Għawdex għandu bżonn jattira investiment li vera jkun ta' valur miżjud għall-ekonomija ta' Għawdex. 
Din il-kumpanija tipprovdi servizzi fl-immaniġġjar tas-sistemi ta’ cards finanzjarji u servizzi oħra fuq livell globali. Il-Ministru tenna kif studenti li jiggradwaw f’dan il-qasam ikunu jistgħu jaħdmu  f’Għawdex. B’hekk ikunu qegħdin jintlaħqu l-aspirazzjonijiet tal-istudenti u jħarsu 'l quddiem li jibnu l-karriera tagħhom f’Għawdex stess, żied jgħid Anton Refalo.
Il-Ministru spjega kif dan hu l-ewwel investiment sinifikanti f'Għawdex tul dawn l-aħħar snin. 
Ritratt: DOI – Reuben Piscopo