Iffirmat investiment ta’ 4.5 miljun ewro minn Huawei

Illum ġie ffirmat ftehim ta' kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-kumpanija Huawei li huwa mifrux fuq tliet proġetti.
Il-ftehim huwa bbażat fuq it-twaqqif ta' Joint Innovation Centre, l-investimenti li ser isiru biex jagħmlu t-testijiet tal-4.5G li għandhom iwasslu għat-teknoloġija aktar definita tal-5G, u s-seeds for the future project li huwa proġett edukattiv immirat lejn studenti Maltin tal-ICT. 
L-investimenti li Huawei ser ikunu qed jagħmlu fuq dawn it-tliet proġetti jlaħħqu mal-4.5 miljun ewro.
Il-ftehim ġie ffirmat mis-Segretarju Parlamentari José Herrera u Edward Chan minn Huawei Italy fil-preżenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat, il-President ta’ Huawei Europe Vincent Pang, u l-Ambaxxatur Ċiniż għal Malta Cai Jinbao.
Il-Prim Ministru ddeskriva dan il-pass bħala sinjal ta’ fiduċja fil-pajjiż u qal li din il-kollaborazzjoni strateġika tawgura tajjeb għall-futur.
Saħaq li Malta tista’ tkompli tirnexxi jekk tkun il-katalista għal aktar ideat ġodda u innovattivi bħal dawk li qed tipproponi l-kumpanija ġganteska Huawei. 
Il-Prim Ministru qal li Huawei għażlet l-aħjar ambjent fejn tagħmel l-investiment tagħha għaliex it-tkabbir ekonomiku f’Malta qed iseħħ b’rata qawwija u l-pajjiż joffri l-klima neċessarja biex titrasforma kunċett fi proġett.

Ritratt: DOI – Pierre Sammut