Filmat: Iffirmat il-ftehim kollettiv bejn il-Knisja u l-MUT

L-Awtoritajiet tal-Knisja u l-Unjin tal-Għalliema (MUT) ffirmaw il-ftehim kollettiv li se jservi għall-ħames snin li ġejjin minn din is-sena sal-2022. It-titjib fil-kundizzjonijiet se jaffettwa lill-ħaddiema kollha tas-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika u dawk fl-iskejjel tal-Knisja madwar Malta u Għawdex.

Waqt l-iffirmar tal-ftehim kollettiv li sar fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana ġie assigurat li fost it-titjib, il-ħaddiema se jkollhom dawn il-benefiċċji:

  • Pakkett finanzjarju mtejjeb bi skali reveduti tas-salarju
  • Allowances u riżorsi għax-xogħol
  • Kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar
  • Sturutturi u opportunitajiet fuq il-post tax-xogħol.

Ħafna mill-punti li ġew iffirmati llum ġew adottati mill-ftehim settorjali li ġie ffirmat bejn l-MUT u l-Gvern f’Diċembru li għadda.

Ġie spjegat li l-ftehim jinkludi parametric li jirregolaw il-prattiċi mħaddna fl-iskejjel tal-Knisja, bħal rikonoxximent tas-servizz regolari, eżamijiet u prattiċi oħra dwar l-assessjar li jsiru f’diversi skejjel.

Ingħad ukoll li għalkemm l-Awtoritajiet tal-Knisja għadhom għaddejjin b’diskussjonijiet mal-Gvern dwar il-finanzjament tal-laptops għal-LSEs u Kindergarten Educators, il-ftehim kollettiv jagħtihom assigurazzjoni li se jirċivuh b’xejn għall-ewwel darba bħall-kollegi tagħhom fi gradi oħra.

Ma’ Newsbook.com.mt, Fr Charles Mallia, id-Delegat tal-Arċisqof tas-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika qal li filwaqt li l-Knisja mxiet fuq il-ftehim tal-MUT u l-Gvern, xorta ġew adottati xi aspetti għall-iskejjel tal-Knisja. Fisser li għalkemm se jitneħħew l-eżamijiet ta’ nofs is-sena mill-iskejjel tal-Istat, il-Knisja laħqet il-ftehim li kull skola tagħżel għandux ikun hemm eżamijiet ta’ nofs is-sena jew jużawx is-sistema tal-assessjar kontinwu matul is-sena bħall-iskejjel tal-Istat.

Qal ukoll li l-ftehim intlaħaq fil-ħin bi preparazzjoni għas-sena skolastika li jmiss u li l-iskejjel tal-Knisja diġà bdew jinplimentaw partijiet minn dan il-ftehim fosthom il-pakketti finanzjarji tal-għalliema.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-MUT Marco Bonnici qal li għal dawn l-aħħar 30 sena, l-Awtoritajiet tal-Knisja u l-MUT kellhom rwol ċentrali fit-tqassim tal-gradi edukattivi b’mod speċjali fir-rikonoxximent tar-rwol li l-edukaturi għandhom fl-iskejjel tal-Knisja.

Fi stqarrija konġunta bejn is-Segretarja u l-MUT, iż-żewġ naħat qalu li l-ftehim ġie approvat mill-maġġoranza tal-membri tal-MUT li jaħdmu fis-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika u l-iskejjel tal-Knisja wara proċess ta’ konsultazzjoni.

Tista’ tara l-messaġġ tal-Arċisqof hawnhekk: