Filmat: Iffirmat il-ftehim bejn il-Gvern u l-MAM dwar l-isptarijiet

Dalgħodu ġie ffirmat il-ftehim bejn il-Gvern u l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM).
Il-Ministru għas-Saħħa qal li issa ntlaħaq il-ftehim li fih il-MAM tirrikonoxxi li jista’ jkun hemm imsieħba privati fil-qasam tas-saħħa f’Malta. Qal li l-prinċipju li s-servizz tas-saħħa f’Malta se jibqa’ bla ħlas. Qal li t-tobba li jaħdmu fi sptarijiet fejn ikun hemm pazjenti tal-Gvern, it-tobba ikunu impjegati mal-Gvern u jirrispondu għat-tabib prinċipali tal-Gvern.

Il-President tal-MAM Martin Balzan qal li l-ftehim jagħti assigurazzjonijiet għall-futur jekk il-Gvern ikun irid jagħmel xi tibdiliet dwar il-qasam tas-saħħa. Qal li jekk ikunu se jsiru xi tibdiliet, il-Gvern ikollu bżonn il-kunsens tal-MAM minn qabel. Qal li l-ftehim għandu jassigura li ma jkunx hemm tilwim u strajks fil-futur, kif kien ġara fil-passat riċenti. Skont Balzan, bħala unjin għat-tobba jinsabu kuntenti bil-ftehim.

Fil-kummenti tiegħu wara ġie ffirmat il-ftehim il-Ministru Fearne qal li dan il-ftehim dwar il-prinċipji wasal wara numru ta’ ġimgħat. Qal li fl-aħħar ftit ġimgħat kien hemm involviment ukoll minn rappreżentanti tal-kumpanija Steward Health Care Systems flimkien mal-avukati tagħhom.
Fearne qal li l-ftehim huwa wieħed sod li jkompli jtejjeb is-servizz tas-saħħa f’Malta.
Dr Martin Balzan qal li l-ftehim jassigura li t-tobba jibqgħu taħt il-payroll tal-Gvern.
Madanakollu, Balzan qal li kieku kellu l-opportunità li jdawwar l-arloġġ kien jippreferixxi li kieku l-Gvern ħadem b’mod differenti. Qal li jaħseb li dan kieku l-ewwel Public Private Partnership (PPP) kbir u li kienet esperjenza ta’ tagħlim għat-tobba, għall-awtoritajiet, u għall-ġurnalisti.
Stqarrija ta’ Steward Health Care Malta
Fi stqarrija, il-kumpanija Steward laqgħet l-iffirmar tal-ftehim li sar bejn il-Gvern u l-MAM.
Il-kumpanija qalet li se tkompli taħdem mal-unjins u mal-partijiet konċernati kollha fix-xhur li ġejjin biex ikun hemm kultura ta’ trasparenza għall-professjonisti kollha li jaħdmu fl-isptarijiet Maltin ta’ Steward.