Iffirmat ftehim ta’ restawr ta’ siti storiċi Għawdxin

MGOZ - George Scerri

Il-Ministeru għal Għawdex u l-organizzazzjoni Wirt Għawdex iffirmaw ftehim ta’ restawr ta’ diversi siti storiċi biex jerġgħu jingħataw il-glorja wara li kienu abbandunati, skont il-Ministeru.

Fi stqarrija, il-Ministeru qal li l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana inawgurat ix-xogħol ta’ restawr tal-Loġġja tal-Palju fi Triq ir-Repubblika fir-Rabat, Għawdex. Caruana spjegat li din mhix se tkun inizzjattiva waħdanija imma ħolqa li tifforma parti minn kullana f’programm ambizzjuż ta’ restawr tal-partimonju Għawdxi.

Caruana qalet li dan juri l-impenn li għandu l-Ministeru għal Għawdex li jippreserva l-wirt li ħallew in-nies ta’ qabel u li huwa fid-dmir tan-nies tal-lum li jgħadduh lill-ġenerazzjonijiet ta’ wara fl-aħjar stat possibbli.

Il-Ministru Caruana qalet li tixtieq tkompli taħdem flimkien ma’ Wirt Għawdex biex jiġu identifikati aktar siti li jeħtieġu attenzjoni.

Il-Loġġja tal-Palju, jew kif inhi magħrufa aħjar illum bħala l-Barrakka, inbniet fis-sena 1733 fil-parti ta’ fuq ta’ Triq it-Tiġrija, illum Triq ir-Repubblika, fil-Belt Victoria. Dan kien il-post minn fejn ir-rebbieħ tat-tiġrija taż-żwimel kien jirċievi l-premju—il-palju jew id-damask. Oriġinarjament, il-parti t’isfel biss ta’ din il-binja kienet inbniet u l-parti msaqqfa ta’ fuq ġiet miżjuda matul iż-żmien.