Iffirmat ftehim mal-organizzazzjoni Ewropea għar-riċerka nukleari

L-Università ta’ Malta ffirmat ftehim mal-Organizzazzjoni Ewropea għar-riċerka nukleari għall-kollaborazzjoni fl-Esperiment ALICE fis-CERN.
Din ir-riċerka tinvolvi ’l fuq minn 1,500 xjenzat minn 37 pajjiż madwar id-dinja u tinvolvi l-A Large Ion Collider Experiment (ALICE), li huwa wieħed mid-detectors tal-fiżika tal-partiċelli.
Dan ġie ddisinjat biex ikejjel il-proprjetajiet ta’ partiċelli prodotti mill-kolliżjonijiet ta’ enerġija għolja, li joħolqu temperaturi kważi 100,000 darba aktar jaħarqu mit-temperatura tal-qalba tax-xemx.
Dan kapaċi jerġa’ joħloq il-quark-gluon plasma li kienet teżisti fil-ftit mikrosekondi wara l-bidu tal-Big Bang, u b’hekk jintefa’ dawl fuq il-mekkaniżmu tal-forza qawwija u kif din tirriżulta fil-ġenerazzjoni tal-maġġorparti tal-massa tal-materja ordinarja. 
Kull ġurnata qed jiġu ġġenerati kważi 100 terabyte ta’ data, ekwivalenti għal 20,000 DVD.
Il-kuntatti bejn is-CERN u l-Università ta’ Malta bdew fl-1999.

Fl-2008 Malta ffirmat ftehim ta’ kollaborazzjoni fuq livell nazzjonali mas-CERN li witta t-triq għal aktar żvilupp f’din ir-relazzjoni.