Iffirmat ftehim li se jwassal għal korsijiet dwar il-vjolenza domestika fl-MCAST

Il-Kummissjoni kontra l-Vjolenza Domestika u l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-MCAST iffirmaw ftehim li se jwassal biex isiru korsijiet relatati mas-suġġett ta’ vjolenza domestika u vjolenza abbażi tal-ġeneru.

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Ġustizzja qal li dan il-ftehim se jassigura li l-pajjiż ikollu sistemi iktar b’saħħithom biex ikompli jirribatti l-pjaga tal-vjolenza domestika fil-pajjiż. Il-Kummissjoni se tkun qed toffri l-għarfien espert tagħha f’dan is-settur. Il-korsijiet, apparti t-tagħlim teoretiku fil-klassi, se jinkludu opportunitajiet ta’ ‘student placements’ u riċerka.

Il-ftehim se jwassal ukoll biex il-partijiet iħarrġu lill-ħaddiema ta’ xulxin fuq setturi u oqsma differenti. Dan flimkien ma’ pjan ta’ azzjoni bejn il-partijiet konċernati bil-għan li jsir iktar għarfien dwar is-suġġett.

Il-ftehim kien ippresedut mill-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza, u l-Governanza Edward Zammit Lewis u mis-Segretarju Parlementari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar.

Il-Ministru Zammit Lewis faħħar din l-inizjattiva, waqt li rrimarka li din il-pjaga ma tingħelibx biss bl-infurzar, iżda permezz ta’ iktar edukazzjoni u tagħlim dwar is-suġġett.

Is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar tenniet tgħid li temmen bis-sħiħ li l-edukazzjoni hi għodda importanti speċjalment fejn tidħol il-pjaga soċjali tal-vjolenza domestika.

Il-Kummissarju għall-Vjolenza Domestika Audrey Friggieri saħqet li tinsab kuntenta li sar dan il-ftehim, li permezz tiegħu, iktar persuni li bħalissa qed ibatu fis-skiet ta’ darhom, se jkunu protetti u mgħejuna, u qiegħda tiġi miġġielda din il-pjaga mill-għeruq tagħha.

Il-Prinċipal tal-MCAST, il-Professur James Cachia, saħaq li l-MCAST dejjem tara li tpoġġi lill-istudenti tagħha f’sitwazzjonijiet reali lil hinn mill-klassi, u b’hekk dan il-ftehim se jkun qed jgħin itaffi l-vjolenza domestika f’Malta waqt li jservi ta’ għodda edukattiva għall-istudenti.