Iffirmat ftehim kollettiv għall-ħaddiema tad-Dar tal-Providenza

Id-Dar tal-Providenza u l-General Workers Union (GWU) iffirmaw il-ftehim kollettiv ġdid li jkopri s-snin bejn l-2020 – 2023. Dan il-ftehim jinkludi kundizzjonijiet aħjar fuq il-post tax-xogħol, family friendly measures, struttura ġdida fil-gradi kollha kif ukoll titjib fil-pagi.

Dan il-ftehim ġie spjegat u approvat mill-ħaddiema tad-Dar tal-Providenza kif ukoll mill-Kumitat Finanzarju Djoċesan, ippresedut mill-Arċisqof Charles Scicluna. Il-ftehim kollettiv ġie ffirmat mid-Direttur tad-Dar, Fr Martin Micallef u mis-Sinjura Riccarda Darmanin, mis-Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi tal-GWU kif ukoll mis-Sinjura Nadine Camilleri Cassano, Amministratur tad-Dar tal-Providenza, mis-Sur Paul Micallef, Assistent Segretarju tal-istess Taqsima tal-GWU u s-Sur Frans Micallef, Shop Steward tal-ħaddiema. Preżenti għall-iffirmar kien hemm is-Sur Michael Pace Ross, Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.

Fr Martin irringrazzja lil dawk kollha involuti f’dan il-ftehim u wera l-apprezzament tiegħu lejn il-ħaddiema kollha ta’ din id-Dar.