Iffirmat ftehim għal aktar edukazzjoni biex il-konsumatur jirċievi tagħrif fuq il-mediċini

L-Awtorita dwar il-Mediċini u l-organizzazzjoni volontarja Malta Health Network iffirmaw Memorandum of Understanding biex jaħdmu flimkien favur miżuri biex il-konsumatur jikseb tagħrif dwar il-mediċini permezz ta’ proċess ta’ edukazzjoni.
Waqt il-laqgħa ġenerali annwali tal-Malta Health Network, il-Ministru Helena Dalli spjegat li l-ftehim għandu jgħin biex il-perspettivi u l-opinjonijiet dwar is-servizz farmaċewtiku jitwasslu u jingħataw l-attenzjoni meħtieġa.
Il-Ministru Dalli kompliet li dan iwassal biex jiżdied l-involviment tal-pazjenti fit-teħid tad-deċiżjonijiet permess tal-Malta Health Network.
Il-Malta Health Network jgħaqqad flimkien l-interessi tal-pazjenti u tas-saħħa fil-komunità u jġib flimkien gruppo li jirrapreżentaw lill-pazjenti f’oqsma differenti.
Apparti minn hekk, il-Ministru spjegat li bis-saħħa tal-iskema dwar proġetti għal għaqdiet volontarji, in-Network se jkun jista’ jwettaq riċerka dwar il-prevalenza tal-uġigħ f’Malta.

Ritratt: DOI- Pierre Sammut