Filmat: Iffirmat ftehim f’Malta għal titjib fis-saħħa tal-ommijiet

Illum ġie ffirmat Memorandum of Understanding bejn il-Malta Trust Foundation u l-Humanity 2.0 Lab biex jibdew inizzjattivi b’rabta mas-saħħa materna.

Fi stqarrija konġunta, iż-żewġ entitajiet qalu li ltaqgħu f’Malta llum biex jiddiskutu s-saħħa materna fil-ġenerazzjonijiet futuri. Huma ngħaqdu flimkien biex jaħdmu favur Sustainable Development Goal 3 (Is-Saħħa u l-Benessere) u biex jimxu mas-sejħa li għamel il-Papa għal azzjoni għal affarijiet li jaffettwaw l-umanità.

The Malta Trust Foundation twaqqfet mill-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca li hija ċ-Ċerpersin tal-istess fondazzjoni.

L-għaqdiet qalu li aktar minn 50 espert taw kontribut waqt il-laqgħa li saret fil-Furjana.
Din il-laqgħa saret wara serje ta’ laqgħat li saru bejn il-Malta Trust Foundation u Humanity 2.0 Lab li ffukaw fuq l-użu ta’ teknoloġiji ġodda u sejbiet xjentifiċi flimkien mal-mediċina u l-politika. Dawn imbagħad jiġu introdotti lil dawk li jaħdmu mal-ommijiet madwar id-dinja.
Coleiro Preca qalet li Malta tipprovdi kura materna eċċellenti li tpoġġi lill-pajjiż f’pożizzjoni tajba biex jinbidel f’mudell ta’ l-aħjar prattika.

Intqal li waħda minn kull għaxar ommijiet fl-Ewropa m’għandhomx aċċess għall-kura materna, statistika li tikber f’pajjiżi li għadhom jiżviluppaw.

It-triq ‘il quddiem bejn iż-żewġ entitajiet ġiet deskritta fil-Memorandum of Understanding.

Il-Malta Trust Foundation qalet li għandha l-għan li t’ispira u tagħti l-appoġġ lil żgħażagħ vulnerabbli biex dawn jibnu ħajja dinjituża għalihom infushom. Dan isir permezz ta’ inizzjattivi li jgħinuhom itejbu l-ħiliet personali u soċjali tagħhom. Il-fondazzjoni tiġbor flimkien figuri ewlenin mill-isferi akkademiċi, professjonali, u dawk tan-negozju li jagħtu kontribut volontarju.

Humanity 2.0 Lab qalet li l-missjoni tagħha hija li timmassimizza l-potenzjal uman biex iservu b’mod aħjar is-saħħa u l-benesseri tal-bniedem.

L-isforzi tal-entità jiffukaw fuq perjodu importanti tal-iżvilupp – l-iżvilupp li jsir waqt qtala biex tavvanza s-saħħa globali. L-entità qalet li titjib tas-saħħa materna, tal-fetu, u tat-tfal hija kruċjali għal saħħa globali u futur aħjar.

Filmat: Miguela Xuereb