Iffirmat ftehim dwar skambju ta’ informazzjoni għat-taxxa

Malta ingħaqdet ma’ 50 pajjiż ieħor fl-iffirmar ta’ ftehim multilaterali fuq l-iskambju ta’ informazzjoni għat-taxxa.
L-iffirmar sar f’Berlin fil-Ġermanja.
Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna sostna li l-iffirmar ta’ dan il-ftehim huwa importanti għaliex huwa pass ‘il quddiem kontra l-evażjoni tat-taxxa.
B’dan il-ftehim, il-pajjiżi firmatarji qablu li jgħaddu lil xulxin informazzjoni dwar taxpayers li għall-fini tat-taxxi jkunu qed jirresjedu f’pajjiż ieħor.
Dan se jgħin lill-Awtoritajiet responsabbli biex permezz ta’ aktar metodi jikxfu każijiet ta’ assi li ma jkunux ġew iddikjarati. Scicluna qal li dan huwa wkoll sinjal ċar lill-dawn il-persuni li jevadu t-taxxi li jkun iżjed jaqbel li jagħmlu użu mill-iskema tar-Reġistrazzjoni tal-Investiment, li se tibqa’ miftuħa sal-aħħar ta’ Novembru. Dan sabiex jirregolarizzaw irwieħhom u jiġu konformi mal-liġijiet.