Iffirmat ftehim dwar l-Uffiċjali tal-Kontroll tal-Fruntieri

Ġie iffirmat ftehim bejn il-Gvern u l-Union Ħaddiema Magħqudin u l-General Workers’ Union sabiex uffiċjali tal-immigrazzjoni, li se jibdew jissejħu Uffiċjali tal-Kontroll tal-Fruntieri jkollhom titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Fi stqarrija, il-Ministru għall-Intern Carmelo Abela qal li b’kollox se jkun hemm 50 uffiċjal fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta li se jibbenefikaw minn dan il-ftehim.
Spjega li l-Uffiċjali tal-Kontroll tal-Fruntieri se jkollhom ukoll titjib fil-pakketti finanzjarji tagħhom.
Qal li b’hekk is-snin ta’ esperjenza li laħqu ġabru dawn l-uffiċjali, se tissarraf fi skala li tikkumplimenta n-numru ta’ snin li ilhom iservu.
Il-Ministru Abela qal li f’Malta hawn ħames postijiet identifikati bħala punti ta’ qsim tal-fruntieri u fosthom l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta li jara l-aktar passiġġieri.
Spjega li ħidmet l-uffiċjali se tkun li jivverfikaw id-dokumenti tal-persuni u jaraw li l-persuni li deħlin f’Malta għandhom ir-rekwiżiti li jagħtihom id-dritt li jidħlu Malta.
Ritratt: DOI: Reuben Piscopo