Iffirmat ftehim bejn il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija u l-Kunsill Malti għall-Arti

Clayton Bartolo
Clayton Bartolo. Ritratt: Reuben Piscopo

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera flimkien mas-Segretaju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo ppresedew għall-iffirmar ta’ ftehim bejn il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) u l-Kunsill Malti għall-Arti (ACM).

Dan il-ftehim, li ġie estiż għal tliet snin oħra, huwa ffukat fuq l-oqsma tal-arti u STEM (Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija u Matematika) u għandu l-għan li jinkoraġġixxi l-interdixxiplinarità bejn l-arti u x-xjenza, iżid il-parteċipazzjoni trans-settorjali fil-kultura, l-industriji kreattivi, STEM, u jgħolli l-profil ta’ dawn id-dixxiplini fl-edukazzjoni kemm formalment u informalment.

Il-Ministru José Herrera stqarr li dan il-ftehim huwa sinifikanti ħafna, speċjalment matul dan il-perjodu tal-pandemija. Huwa qal li l-MCST żgur li se tgħin lis-settur tal-arti kreattiva fil-ħolqien ta’ mezzi teknoloġiċi ġodda sabiex jippromwovu l-kreattività tagħhom, filwaqt li min-naħa l-oħra l-ACM se tassisti lis-settur tax-xjenza u t-teknoloġija biex jattira l-entużjażmu u l-parteċipazzjoni meħtieġa.  

Is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo tkellem dwar kif il-kreattività u l-innovazzjoni huma ingredjenti importanti biex tissaħħaħ il-magna tal-ekonomija globali u għalhekk huwa importanti li nkomplu ninċentivaw dawn is-setturi sabiex inkomplu npoġġu lil pajjiżna bħala ċentru ta’ eċċellenza fejn jidħlu r-riċerka u l-innovazzjoni.

“L-ekonomija għandha bżonn l-innovaturi, u l-evidenza dejjem turina li l-innovazzjoni fi kwalunkwe settur hi xprunata minn dawk il-professjonisti li huma influwenzati mill-arti u x-xjenza”, kompla jgħid is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo. Huwa saħaq ukoll fuq il-bżonn li nħajru tfal sa minn età zgħira jersqu lejn oqsma bħal STEM, l-arti u l-kultura li indirettament jgħinu sabiex tkompli tikber l-ekonomija u tissaħħaħ l-kwalità tal-ħajja tagħna.

“Fl-Esplora ħdimna sabiex l-prijoritajiet tagħna jimxu minn STEM għal STEAM. Meta l-arti tingħaqad ma’ STEM, dan jipprovdi bosta komponenti ewlenin li kemm min iħaddem, edukaturi u ġenituri jqisu bħala kritiċi sabiex uliedna jirnexxu – kemm issa kif ukoll fis-snin li ġejjin”, enfasizza l-Viċi Kap ta’ Esplora Clayton Cutajar. Huwa żied jgħid li, “il-viżjoni tagħna hija li nikkultivaw kultura ta’ kurżità xjentifika u kreattività u nemmnu li din tista’ tinkiseb verament u kompletament biss permezz ta’ dan l-approċċ”.

Il-Kap tal-Istrateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti, Adrian Debattista stqarr li, “it-tiġdid ta’ dan il-ftehim huwa parti importanti fil-ħidma tal-ACM hekk kif qed inħejju għall-istrateġija l-ġdida għall-2021-2025. L-evidenza miġbura matul dawn l-aħħar ħames snin permezz tar-riċerka tagħna indikat il-ħtieġa għal approċċ trans-settorjali u interdixxiplinari għal kif nappoġġjaw is-setturi kreattivi u kulturali permezz ta’ ħidma konġunta mas-setturi pubbliċi, privati ​​u volontarji. Dan l-ftehim għandu l-għan li jkompli jibni fuq is-suċċessi tat-tliet snin preċedenti u jespandi u joħloq sinerġiji mal-MCST filwaqt li għandu l-għan li jinkoraġġixxi approċċ STEAM fl-edukazzjoni, għaliex l-arti hija integrata max-xjenza u t-teknoloġija f’diversi modi”.

Jose Herrera. Ritratt: Reuben Piscopo / DOI

Dan it-tagħrif hu mwassal mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.