Iffirmat dokument bejn Trump u Kim Jong Un; “Se ssir denuklearizzazzjoni mgħaġġla”

Ritratt: Reuters

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump u l-mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong Un iffirmaw dokument “komprensiv” wara s-summit storiku f’Singapore li se jwassal għal denuklearizzazzjoni tal-peninsula Koreana b’mod mgħaġġel.

Skont Reuters id-dettalji tad-dokument ma kienux aċċessibli immedjatament imma Trump qal li l-proċess ta’ denuklearizzazzjoni mistenni jibda dalwaqt.

Minkejja li dan il-pass li seħħ fis-summit qed jimmarka l-bidu ta’ proċess dipplomatiku, jista’ jġib tibdiliet effettivi u fit-tul għas-sigurtà tat-Tramuntana tal-Asia. Avvanzi simili ta’ dawk tal-President Emeritus tal-Istati Uniti Richard Nixon u t-trasformazzjoni taċ-Ċina wara li mar Beijing fl-1972.

Qabel l-iffirmar tal-ittra, Jong Un qal li ż-żewġ mexxejja kellhom laqgħa storika fejn “iddeċidew li jħallu l-passat warajhom.” Qal ukoll li d-dinja se tara tibdiliet radikali.

Min-naħa tiegħu Trump sostna li bena relazzjoni speċjali ma’ Jong Un li qed jittama li se twassal għal relazzjonijiet aħjar bejn il-Korea ta’ Fuq u l-Istati Uniti.