Fadal sagħtejn biex tiffirma l-petizzjoni ta’ Newsbook

Miguela Xuereb

Read in English.

Fit-3pm Newsbook.com.mt se jwaqqaf il-ġbir ta’ firem tal-petizzjoni li qed jagħmel peress li nqabeż it-target li kellna, li jinġabru 3,000 firma f’24 siegħa. Fil-fatt sa issa diġà nġabru kważi 3,500. Il-petizzjoni saret biex il-poplu Malti u Għawdxi jista’ jesprimi r-rabja u s-sogħba għat-traġedja li seħħet nhar it-Tnejn li għadda, fejn inħasdet il-ħajja ta’ mara innoċenti waqt li kienet fil-kwiet ta’ darha.

Dawk li jixtiequ juru l-appoġġ tagħhom għandhom sat-3pm biex jiffirmaw.

Infakkru li dan mhux appell għall-fondi u ħadd ma għandu jibgħat fondi fuq din il-websajt.

Min jiffirma l-petizzjoni jkun qed jesprimi r-rabja u s-sogħba għall-qtil ta’ mara oħra riżultat tal-inkompetenza tal-awtoritajiet tal-istat Malti li mhux qed iħarsu liilna ċ-ċittadini mir-regħba tal-industrija tal-kostruzzjoni.

IFFIRMA HAWN

Aħna ninsistu li l-familja Pace, il-vittma ta’ din it-traġedja, tingħata mill-istat kull għajnuna, inkluż finanzjarja, li għandha bżonn.

Aħna ninsistu li kull familja li fix-xhur li għaddew sofriet diżgrazzji simili tingħata wkoll kull għajnuna.

Aħna ninsistu li l-proċess ġudizzjarju jimxi b’pass mgħaġġel biex kull min hu responsabbli jieħu li ħaqqu. Mhux aċċettabbli li f’dan il-każ jiġri kif ġara f’San Pawl il-Baħar. Fl-2004 żewġ nisa nqatlu meta ġġarraf bini u sal-lum, 16-il sena wara, għadha ma saritx ġustizzja peress li l-proċess tal-Qorti għadu mirdum.

Aħna ninsistu li l-istat, bħala sinjal ta’ rispett lejn il-familja u determinazzjoni li tinbidel is-sitwazzjoni, jiddikjara ġurnata bħala Jum ta’ Luttu Nazzjonali.

Aħna lkoll nemmnu li jistħoqqilna aħjar.

Lill-istat ngħidulu: Issa daqshekk. (Dan mhux appell għall-fondi u ħadd ma għandu jibgħat flus fuq din il-petizzjoni.)

IFFIRMA HAWN