Iffaċilitat is-self kummerċjali għal negozji differenti

Ġie ffirmat ftehim li se jgħin negozji ta’ kull daqs ġejjin minn setturi differenti jikkwalifikaw għal self kummerċjali.
Il-Ministru għall-Ekonomija, Chris Cardona, u l-Ministru għall-Finanni, Edward Scicluna, kienu preżenti meta ġie ffirmat il-ftehim bejn il-korporazzjoni Malta Enterprise, Malta Industrial Parks u l-bank li twaqqaf ftit ta’ xhur ilu, il-Bank Malti għall-Iżvilupp.
Fi stqarrija konġunta, il-Ministeri qalu li l-ftehim se jippermetti l-iżvilupp ta’ għajnuna għal negozji li huma iktar rifless tar-realtà u l-bżonnijiet tal-ekonomija u s-soċjetà lokali.
Il-Ministru Cardona stqarr kif il-Gvern għandu responsabbilità li meta l-pajjiż ikun fuq quċċata ekonomika bħal mhu bħalissa, jiżra’ ż-żerriegħa għat-tkabbir sostennibli t’għada.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Scicluna qal li l-objettiv strateġiku tal-Bank Malti għall-Iżvilupp huwa li jindirizza nuqqasijiet fis-suq. Żied jgħix li l-bank se jkun primarjament kommess li joffri appoġġ lil objettivi soċjoekonomiċi fl-interess pubbliku bil-għan li jissaħħaħ aktar żvilupp u jkun ta’ benefiċċju għat-tkomplija tat-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż.
Ritratt: DOI – Clodagh Farrugia O'Neill