Read in English.
L-għaqda Nature Trust ħabbret li faqqsu mas-60 fekruna billejl fir-Ramla l-Ħamra.
Għall-ħabta tas-1.50am bdew ifaqqsu l-bajdiet li ħalliet fekruna fil-bajja Għawdxija. Sas-6.45am kienu faqqsu 62.
Din il-bejta kienet l-ewwel waħda f’Għawdex f’70 sena, u l-fekruna biedet fil-lejl ta’ bejn id-29 u t-30 ta’ Mejju.
Permezz ta’ għadd ta’ voluntiera, kien qed isir moniteraġġ kontinwu tal-bejta. Din hija mħarsa mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA). Apparti din, hemm ukoll bejta fil-Bajja tal-Mixquqa u oħra fl-Għadira.
Fi stqarrija l-ERA qalet li l-fkieren li jkunu għadhom kemm faqqsu jkunu attirati lejn id-dawl tal-qamar jirrifletti fuq wiċċ il-baħar u l-ewwel rispons tagħhom malli jfaqqsu jkun li jgħumu lejn id-dawl.
L-ERA rringrazzjat lil Nature Trust Malta, lill-Ministeru għall-Ambjent u lill-voluntiera kollha li qattgħu xi ħin iħarsu l-bejta.
Minħabba din il-bejta, f’Ġunju kien ġie sospiż għarbiel li kellu jsir fir-ramel.