Ifaqqsu l-ewwel daqquqiet f’Malta

Daqquqa
Bernard Farrugia

Faqqsu għall-ewwel darba żewġ pari ta’ daqquqiet tat-toppu f’Malta, tip ta’ tajra li hi magħrufa li l-għajta tagħha tixbah lid-daħk tal-bnedmin.

Fi stqarrija, l-għaqda Kaċċaturi San Ubertu (KSU) qalet li par minnhom faqqas f’Għawdex u ieħor fin-Nofsinhar ta’ Malta, bi 3 ifrieħ kull wieħed.

Din it-tajra mhix rari fil-gżejjer tagħna, iżda din is-sena dehret anqas minn snin oħra. Minkejja dan, ġie nnutat li ħafna minnhom qattgħu ftit żmien mhux ħażin f’Malta qabel ma taru lejn it-Tramuntana, u ftit damu aktar mill-perjodu ta’ migrazzjoni regolari tagħhom.

L-ewwel li ntlemħu d-daqquqiet f’Għawdex kien fis-27 ta’ Mejju, filwaqt li f’Malta dehru fis-6 ta’ Ġunju.

Id-daqquqiet jitfaċċaw f’numri kbar fir-rebbiegħa, u huma mill-għasafar tal-ewwel biex jemigraw; ħafna drabi jidhru bejn Frar u Mejju. Bejn Awwissu u Ottubru ma jidhrux daqshekk.