Ifakkru t-traġedja tal-Grenfell Tower; 17-il familja bla akkomodazzjoni permanenti

Dawk li salvaw mill-ħruq tal-Grenfell Tower f’Londra sentejn ilu ngħaqdu mal-ħbieb u l-qraba ta’ dawk li tilfu ħajjithom f’din it-traġedja, propju sentejn ilu, fl-14 ta’ Ġunju tal-2017. Din it-traġedja kienet ħatfet il-ħajja ta’ 72 persuna meta t-torri f’North Kensington f’Londra ħa n-nar, minn friġġ difettuża. 17-il familja li kienet affettwata għadhom qegħdin ifittxu akkomodazzjoni permanenti.

Aqra: Nar Londra: 79 persuna maħsuba mejta

F’din il-kommemorazzjoni kien hemm 72 sekonda ta’ silenzju, waħda għal kull vittma, qabel ma nqrat silta mill-Koran. Inqraw l-ismijiet ta’ kull vittma, u wara kull isem, dawk preżenti qalu “Dejjem f’qalbna.” Inkixef ukoll mużajk kbir b’tifkira ta’ dawk li mietu.

 

17-il familja li kienet affettwata minn din it-traġedja għadhom iridu jsibu akkomodazzjoni permanenti, peress li waħda minnhom għadha toqgħod f’lukanda, u tnejn oħra ġo appartamenti li ngħatawlhom. Kważi 8,000 persuna nstabulhom effetti f’saħħithom minħabba t-trawma li għaddew minnha, u fost dawk li qed jingħataw trattament għal dan, hemm 398 tifel u tifla.

L-Arċisqof ta’ York semma l-memorji ta’ agunija ta’ din it-traġedja u qal li għad hemm xi veritajiet skomdi li għadhom iridu jinkixfu. L-Arċisqof ta’ Kensington qal li dan in-nar kien ta’ diżgrazzja nazzjonali, u li ġara għax in-nies ma ħabbewx lill-ġirien tagħhom. Aktar minn 200 bini għoli fl-Ingilterra huma miksija bl-istess materjal li kien miksi bih dan it-torri.