Ifakkru fis-sarima li l-MFA għamlet ma’ ħalq il-ġurnalisti

L-Għaqda Ġurnalisti Sports (GħĠS) qalet li kienet kollha “messa in xena” min-naħa tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol (MFA) meta din tal-aħħar użat strixxuni bil-kliem Football for Life supports Free Press.
Dil-ġimgħa, b’rispett lejn il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, plejers ħarġu b’dan l-istirxxun qabel il-logħbiet tal-Premier.
Għal dan l-għaqda tal-ġurnalisti sportivi enfasizzat li, filwaqt li tikkundanna bis-sħiħ l-att brutali, jidhrilha li l-MFA qed tuża kejl differenti magħhom.
Dan għaliex filwaqt li qabżet għall-ħelsien tal-istampa, lilhom stess ma tħallihomx milli jidħlu jirrappurtaw l-andament tal-laqgħat tal-Kunsill tal-MFA.
L-għaqda ddeskriviet din id-deċiżjoni, li ttieħdet aktar minn sena ilu, bħala tentattiv biex tiddawwar sarima ma’ ħalq il-ġurnalisti sportivi li huma kritiċi tad-deċiżjonijiet xejn popolari tal-MFA.
Hu għalhekk li l-Għaqda Ġurnalisti Sports qalet li l-MFA ippruvat tirkeb fuq il-karru tal-qtil tal-ġurnalista sabiex tipprova tikseb is-simpatija tal-pubbliku u toħloq aljenazzjoni alternattiva. 
F'att simoboliku, il-ġurnalisti sportivi rrispondew b'dal-kliem għall-istrixxun tal-MFA; "Practice what you Preach" u "Charity begibs at home".
“Għaldaqstant  l-MFA qatt ma missha ndaħlet biex turi simpatija mal-ġurnalisti li hi stess ma tistmax”, temmet tgħid l-istqarrija tal-ġurnalisti sportivi.