Fir-Renju Unit: Ifakkar ‘l uliedu; Ommhom mixlija li qatlithom

Missier jinsab ixxukjat bil-qtil ta’ wliedu trabi tewmin minn ommhom fi żmien il-Milied.

F’post li qasmet il-qlub ta’ ħafna fuq Twitter, Steve Ford, missier it-tewmin, tella’ ritratt li ħa ma’ wliedu ta’ 23 xahar.

Martu, Samantha Ford ta’ 37 sena, qed tkun mixlija bil-qtil tat-tewmin Jake u Chloe u qed tidher illum quddiem il-Qorti ta’ Kent fir-Renju Unit. Fil-Qorti hija tkellmet biss biex tikkonferma isimha, l-età u fejn toqgħod.

Mill-ewwel investigazzjonijiet jidher li l-omm marret toqgħod f’dar mikrija f’Margate, f’Kent sena wara li xtrat dar f’Ashford ma’ żewġha Steven. Skont il-midja internazzjonali għadu mhux magħruf jekk il-koppja, li ilhom miżżewġin għal ħames snin, kienux infirdu, madanakollu jidher li Steven kiteb diversi tweets li jindikaw dan fuq il-profil tiegħu.

Jumejn wara l-Milied, kmieni l-Ħamis filgħodu, t-tewmin instabu minn tim mediku fid-dar f’xifer il-mewt. Huma ttieħdu b’urġenza l-Isptar fejn sfortunatamanet ġew ċertifikati mejta.

Aktar kmieni l-Ħamis filgħodu, għall-ħabta tat-3am, hu mifhum li ommhom tilfet il-kontroll tal-karozza u ħabtet. Skont rapporti tal-Pulizija, l-awtoritajiet jemmnu li l-karozza saqet u baqgħet dieħla f’trakk ieħod b’mod intenzjonat. Samantha kienet ittieħdet għal kura fi sptar separat fejn ingħatat il-kura għal ġrieħi ħfief..

Aktar kmieni llum il-Qorti semgħet kif  l-omm qed tkun akkużata bil-qtil taż-żewġ tewmin tagħha filwaqt li l-omm bdiet tibki hi u tisma’ l-akkużi kontriha jinqraw fl-awla. Għalkemm id-dettalji tal-każ u l-ismijiet tat-tfal ma nqrawx fl-awla, id-difiża ma applikatx għall-ħelsien mill-arrest u l-omm inżammet arrestata sakemm ikompli jinstema’ l-każ nhar it-Tnejn.

It-tewmin, li f’inqas minn xahar kienu se jgħalqu sentejn, kienu nstabu qed imutu fid-dar li ommhom kienet ħadithom joqgħodu magħha fiha tliet ġimgħat ilu.